Ġiet imnedija l-fiera Agrikola bl-isem ta’ AgriFair, li se tiġbor taħt saqaf wieħed rappreżentanti differenti li jaħdmu fl-oqsma tal-biedja u s-sajd.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif, permezz ta’ din il-Fiera, il-Gvern se jkompli jħares it-tradizzjonijiet, waqt li se jagħti xejra moderna b’enfasi fuq it-tekonologija, innovazzjoni, id-diversifikazzjoni, u l-aspett edukattiv.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li l-Fiera se tkompli tippromwovi wkoll il-ħidma, il-prodotti u s-servizzi tal-bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin u Għawdxin.
Qal, “Se tkun pjattaforma importanti għall-bdiewa, raħħala, u sajjieda, speċjalment hekk kif għaddew minn żmien diffiċli f’pandemija u minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna u naħseb li b’dan il-mod aħna se nippromwovu aktar il-prodott lokali u nġibu lill-pubbliku konxju kemm huwa importanti li wieħed jiekol ikel frisk u bnin li huwa l-prodott Malti.”
L-AgriFair se toffri wkoll opportunità lin-negozji għal diskussjonijiet u konsultazzjoni mal-parteċipanti ewlenin dwar is-settur.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat kif avvenimenti bħal dawn ikomplu juru l-vera sagrifiċċji li jgħaddu minnhom il-ħaddiema f’dan il-qasam, anke sabiex jagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin ikel bnin.
Spjegat, “Diversi esperjenzi li ma narawomx ta’ kuljum. Nifhmu verament is-sagrifiċċji li jgħaddu minnhom il-bdiewa u sajjieda u r-raħħala sabiex verament iwasslnuna prodott lokali kuljum fuq l-imwejjed tagħna.
Il-fiera se tkun waħda interattiva, fejn wieħed jista’ jara wkoll esibizzjoni ta’ makkinarju, sistemi teknoloġiċi u metodi u sistemi ta’ produzzjoni agrikola b’ mod sostenibbli.
Ser ikun hemm ukoll wirja tal-annimali, demostrazzjonijiet ta’ snajja, u ser jiġu organizzati mawriet f’ażjendi agrikoli fejn wieħed jista’ jesperjenza u japprezza l-ħidma agrikola u l-produzzjoni tal-ikel Malti.
Il-Fiera, bil-kunċett ta’ Farm-to-Fork, se ssir fl-MFCC, Ta’ Qali, bejn il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju u l-Ħadd 22 ta’ Mejju, mill-għaxra ta’ filgħodu sa l-għaxra ta’ filgħaxija.