F’April l-indiċi ta’ sentiment ekonomiku fost il-Maltin kien 4% aktar mill-medja storika u 12% aqwa mill-livell ta’ April tal-2019 qabel il-pandemija.
Dan ħareġ minn stħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummissjoni Ewropea u li rrappurtat dwaru l-gazzetta Kullħadd.
Fil-fatt, hawn ġie nnutat kif l-indiċi ta’ sentiment ekonomiku għal matul April laħaq il-mija u erbgħa.
Din ix-xejra nħasset f’kull settur tal-ekonomija Maltija fosthom anke fl-oqsma tas-servizzi u l-manifattura.
Fl-istess stħarriġ ħareġ ukoll kif il-familji Maltin u Għawdxin f’April kienu aktar pożittivi meta mqabbel mal-medja storika u s-sena li għaddiet.
Fil-fatt hawn instab kif il-maġġoranza tal-familji jemmnu li l-ekonomija ta’ pajjiżna ser tkun qed tesperjenza tkabbir.
Maġġoranza notevoli ta’ disgħa fil-mija tal-familji Maltin jħossu li jistgħu jidħlu għal spejjeż kbar u saħansitra maġġoranza ta’ erbatax fil-mija jemmnu li ser ifaddlu iktar minkejja konsum akbar.
Hawn jidher il-kuntrast mas-sentiment tal-familji fil-bqija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn tnejn u erbgħin fil-mija tal-familji jgħidu li l-ekonomija tagħhom ser tkompli teħżien, bil-maġġoranza tal-familji jemmnu li ma jistgħux jidħlu għal konsum kbir.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif fis-settur tal-manifattura il-maġġoranza ta’ negozji Maltin jiġifieri sebgħa u tletin fil-mija jgħidu li ser tiżdied il-produzzjoni tagħhom fix-xhur li ġejjin, bi tlieta u tletin fil-mija anke jantiċipaw li ser ikollhom iżidu l-ħaddiema tagħhom.
Is-settur tas-servizzi għalkemm għadu ma laħaqx il-medja storika qiegħed fit-triq ta’ rkupru. Hawnhekk tlieta u għoxrin fil-mija tan-negozji jemmnu li l-attività tagħhom ser tiżdied.
Il-qasam tal-kostruzzjoni ukoll igawdi minn sentiment pożittiv ferm dan hekk kif maġġoranza ta’ sbatax fil-mija tan-negozji jgħidu li għandhom stennija għal ordnijiet kbar.
Il-gazzetta KullĦadd tat ħarsa wkoll lejn aktar indikaturi li qed juru xejra pożittiva għal ġejjieni tal-ekonomija Maltija.
Fil-fatt, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal kif erbgħin fil-mija tan-negozji Maltin qed jistennew titjib fl-attività tagħhom, filwaqt li biss tnejn fil-mija jgħidu li din mistennija li tonqos.
Dan minkejja li l-gwerra fl-Ukrajna qed tħalli impatt fuq il-provissti madwar id-dinja b’żieda fil-prezzijiet tal-materja prima fost oħrajn.
Il-qgħad f’pajjiżna wkoll jirrifletti dan is-sentiment hekk kif matul Marzu li għadda dan laħaq it-tlieta fil-mija, l-inqas rata qatt irreġistrata fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-gazzetta KullĦadd irreferiet ukoll għall-statistika tal-Eurostat li uriet kif matul xahrejn ilu l-bejgħ mill-ħwienet kien aktar minn ħmistax fil-mija aqwa mis-sena li għaddiet.