F’Malta madwar 22 fil-mija tal-ikel, li jammonta għal 180 kilo għal kull persuna fis-sena, jispiċċa jinħela.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Soup Kitchen, li matulha tnediet l-app ‘Save The Food’, li se tgħin biex tonqos il-ħela tal-ikel.
Kemm-il darba meta konna għandna tfal kien jgħidulna biex nieklu kollox ħalli ma naħlux l-ikel għax hawn min m’għandux x’jiekol. B’dan l-istess kunċett se tkun qed taħdem din l-app, li permezz tagħha tonqos il-ħela tal-ikel u fl-istess ħin igawdu minnha organizzazzjonijiet li jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
L-app ‘Save the Food’, illi ħadmet fuqha l-organizzazzjoni Soup Kitchen, hija mmexxija mill-Franġiskani u hija miftuħa għall-organizzazzjonijiet lokali kollha.
Fil-fatt, id-Deputat Chairperson tas-Soup Kitchen, Alexei Dingli, qal li s’issa diġà applikaw ħames organizzazzjonijiet biex jagħmlu użu minnha.
Qal, “Permezz tal-app, dawn l-entitajiet sempliċiment jidħlu fuq din l-app, jirreklamaw b’xejn l-ikel li hemm bżonn li jinġabar, u mbagħad min-naħa l-oħra l-NGOs kemm jidħlu min-naħa l-oħra fuq l-app u jagħżlu liema ikel li jridu jiġbru. B’hekk inkunu qarribna flimkien dawn l-entitajiet flimkien mal-NGOs. Fl-aħħar, l-idea hija li naqqsu l-ħela għaliex dan huwa ikel li kollu kien se jintrema, però issa se jintuża minn dawn l-għaqdiet.”
Waqt il-konferenza fil-binja tas-Soup Kitchen fil-Belt, iċ-Chirperson ta’ din l-għaqda, Patri Marcellin Micallef, tkellem dwar esperjenzi li jiltaqa’ magħhom, fosthom ta’ nies li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jwassluhom f’diffikultà.
Spjega, “Aħna nixtiequ noħolqu għarfien fil-pajjiż għaliex aħna nemmnu li f’kultura bħal tagħna għandna ammont ta’ ikel li ma jiġix ikkonsmat u nħoss li, l-ewwel nett, ma nieħdu xejn for granted. Kollox għandu prezz, u kemm hu tajjeb illi dak li għandna nużawh.”
‘Save the Food’ saret permezz tal-iskema ta’ appoġġ għal inizjattivi żgħar, li hi amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.