Iebsa għal omm li jkollha tarbija biex tniżżel il-fatt li din bintha qatt mhu se tkun tista’ tara la lilha u lanqas dak kollu li hu sabiħ fid-dinja. Kienet din l-esperjenza ta’ Vanessa Vella, meta ntebħet li bintha Catalaya għandha bżonnijiet differenti ferm minn dawk ta’ ħutha.
“Meta kellha xahrejn, qisna bdejna ninnotaw li hemm xi ħaġa mhux tas-soltu. Ma kinetx issegwi bħal tfal oħra. Jekk nuriha xi ħaġa ma ddurx lejk, peress li kelli diġà żewġt itfal, kont ninduna li hemm xi ħaġa mhix normali, ħa ngħidu hekk.”
Quddiem din is-sitwazzjoni, Vanessa staqsiet u fittxet ir-riżorsi u l-għajnuna kemm Malta kif ukoll barra, sakemm l-Ingilterra waslet għad-dijanjosi ta’ Catalaya.
“Hija għandha marda rari ħafna jgħidulha Leber’s congenital amaurosis, waħda f’ħafna. M’hemmx as such x’tagħmlilha, jiġifieri hi kważi almost totally għamja, jekk tara ftit dawl, tagħmel differenza bejn qiegħda xi mkien fid-dlam jew fid-dawl”
Quddiem l-isfidi li għandha quddiemha, Catalaya sabet l-appoġġ ta’ The Malta Trust Foundation, li hija mmexxija mill-President Emeritus, Marie Louise Coleiro-Preca. Il-Fondazzjoni pprovditilha tagħmir speċjalizzat li jiswa ħafna flus u li permezz tiegħu jista’ jkollha ħajja aktar faċli.
“Eżempju, tatna t-taptilo, it-taptilo hija apparat illi hi tgħallimha kif titgħallem l-alfabett u kif tgħaqqad kliem maż-żmien, imma ovvjament bil-lingwa tagħhom, bil-braille.”
Fix-xandira tal-ġbir tal-fondi għal The Malta Trust Foundation, li se ssir fil-jum tas-Sibt, il-Fondazzjoni se titlob għal-għajnuna tal-pubbliku biex tkompli tipprovdi apparat teknoloġiku speċjalizzat biex tfal li ma jarawx u tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu u li ma jitkellmux ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom, jaċċessaw l-informazzjoni. u jikkomunikaw.
“Bħala omm Catalaya qatt ma bsart li ħa tiġi fuqi din il-ħaġa. Ma nixtieqha tiġi fuq ħadd, fil-verità, imma ma tafx x’jista’ jinqla’ fil-ħajja. Allura ngħid lil kulħadd biex jagħti dik in-naqra, għaliex dik in-naqra tagħmel differenza ħafna fil-ħajja ta’ dawn it-tfal, li tagħtihom tama biex ikollhom indipendenza ’l quddiem.”