Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fir-riforma li se jkun qed jagħmel il-Gvern dwar il-liġi tal-IVF, se ssir reviżjoni fil-faxxex tal-età li jikkwalifikaw għal dan is-servizz.
Dr Abela ħabbar dan waqt mistoqsijiet mill-ġurnalisti b’reazzjoni għal sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li tikkonċerna koppja Maltija.
Filwaqt li qal dan il-Prim Ministru sostna wkoll li dan il-Gvern ma qgħadx jistenna s-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jagħmel dan.
Ġurnalist: “Din l-issue, l-issue tal-age bracket se tiġi emendata?”
Prim Ministru: “Iva, u fil-fatt aħna biex tkellimna dwar dan is-suġġett ma stennejniex is-sentenza li ngħatat ilbieraħ fil-każ tas-Sinjuri Lia, imma kienet waħda mill-proposti maġġuri fil-manifest elettorali tagħna. Nemmen li dan huwa qasam li wegħdna li se nindirizzawh fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura.”
Fil-fatt, il-Prim Ministru tenna li ir-riforma qed titfassal f’abbozz.
“Bħalissa as we speak hemm il-proċess leġiżlattiv fis-sens tal-abbozzar tal-emendi leġiżlattivi li qed jiġi ffinaliżżat. Se nkunu qed nagħmlu bidliet li huma importanti ħafna biex jindirizzaw is-sofferenzi li għaddew minnhom tant familji, tant ġenituri prospettivi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea.