F’Marzu li għadda, il-bejgħ bl-imnut f’Malta żdied bi tlieta fil-mija meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. Meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena l-oħra, il-bejgħ fl-istess xahar ta’ din is-sena żdied b’16.4 fil-mija. F’dan ir-rigward, Malta rreġistrat it-tielet l-ogħla żieda fil-bejgħ fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, li nnota wkoll li, f’Marzu ta’ din is-sena, ir-rata medja tal-bejgħ bl-imnut fl-Unjoni Ewropeja naqset b’0.2 fil-mija u fiż-żona tal-ewro naqset b’0.4 fil-mija meta mqabbla ma’ Frar li għadda.
Madanakollu, ir-rata medja żdiedet meta mqabbla ma’ Marzu ta’ sena ilu. Fil-fatt, ir-rata tal-bejgħ bl-imnut żdiedet b’1.7 fil-mija fost l-Istati kollha tal-Unjoni Ewropea u b’punt tmienja ta’ perċentwal fiż-żona tal-ewro.
Huma l-Islovenja u l-Estonja li f’Marzu li għadda kellhom l-akbar żieda ta’ bejgħ bl-imnut meta mqabbel ma’ Marzu tal-2021, b’rata ta’ 25.6 fil-mija u 18.4 fil-mija rispettivament. Warajhom, tiġi Malta b’16.4 fil-mija.
Min-naħa l-oħra, id-Danimarka, Spanja, u l-Belġju irreġistraw l-akbar tnaqqis fil-bejgħ, bi 11 fil-mija, 4.8 fil-mija, u 3.9 fil-mija rispettivament.
F’Marzu li għadda, fiż-żona tal-ewro kien il-fjuwil li ra l-akbar żieda ta’ bejgħ, bi 8.3 fil-mija. Warajh jiġu prodotti li m’humiex ikel, bi 2.8 fil-mija. Mill-banda l-oħra, il-prodotti tal-ikel u x-xorb, u t-tabakk, irreġistraw tnaqqis ta’ 2.5 fil-mija meta mqabbel ma’ Marzu tal-2021. L-istess xejra ġiet irreġistrata fl-Istati membri tal-Unjoni Ewropea.