L-Università ta’ Malta u l-Enemalta ffirmaw ftehim li permezz tiegħu se jkun hemm koperazzjoni fi programmi ta’ riċerka fl-oqsma tal-enerġija fil-Fakultà tal-Inġinerija.
Dan il-ftehim se jkun ta’ benefiċċju għall-istudenti minħabba li permezz tiegħu se jkunu esposti għal esperjenzi tal-inġinerija marbuta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku, kif ukoll mas-sistema kumplessa tad-distribuzzjoni tad-dawl.
Dan il-ftehim se jwitti t-triq biex studenti tal-inġinerija jingħataw esperjenzi prattiċi f’dan il-qasam, u dan jaf ifisser l-ewwel tarġa għall-karriera mal-Enemalta.
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, li qalet li dan il-ftehim ifisser opportunità.
Qalet, “Jiena konvinta li ftehim bħal dan ikun qed jgħin biex verament inkunu, bħala pajjiż, qegħdin inħejju għal ħl-liet li għandna bżonn illum u li jkollna bżonn għada, u fil-fatt anki flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni qegħdin naħdmu biex naraw li jkollna aktar ftehimiet simili, fejn inġibu flimkien il-qasam akkademiku, flimkien mal-bżonnijiet li għandha bżonn l-industrija f’pajjiżna.”
Ir-Rettur tal-Università, Alfred Vella, sejjaħ din is-sħubija bħala waħda naturali u nnota kif dan il-ftehim huwa importanti għall-istudenti.
Spjega, “Importanti li huma jaraw u jifhmu u jipparteċipaw ukoll f’dak li jkun għaddej ta’ kuljum, biex b’hekk għada pitgħada jitħajru aktar studenti jidħlu f’din l-intrapriża tant importanti għal pajjiż.”