Fl-aħħar għaxar snin, ir-reġistru tal-avjazzjoni Malti żdied b’ħames mija fil-mija, biex in-numru ta’ ajruplani rreġistrati f’Malta bħalissa huwa dak ta’ sitt mija u ħamsa u sittin.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia, fil-preżenza taċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Joe Bugeja u d-Direttur Ġenerali għad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, il-Kaptan Charles Pace.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Bugeja qal li Malta qed turi li hija territorju professjonali u prattiku, li qed jattira aktar kumpaniji barranin.
Qal, “Bħalissa bejn kumpaniji, ajruplani u training irreġistrati mad-Direttorat tagħna ikompru aktar minn 80 kumpanija u kif qed naraw illum, sakemm għamilna l-preparamenti konna 660 u diġà qegħdin 665, jiġifieri filwaqt li nħabbru n-numri jerġgħu jinbidlu.”
Il-Ministru Farrugia spjega li r-riċetta għas-suċċess f’dan il-qasam hija taħlita ta’ reputazzjoni tajba, sostenibbiltà, effiċjenza u innovazzjoni.
Spjega li ż-żieda fin-numru ta’ ajruplani reġistrati hija fiha nnifisha sinjal ċar ta’ fiduċja minn numru sostanzjali ta’ kumpaniji li jaraw lil Malta bħala post fejn jikkonsolidaw u jespandu l-operat tagħhom.
Il-Ministru qal li dan it-tip ta’ investiment dirett barrani huwa importanti għal Malta għax jistimula t-tkabbir ekonomiku u jipprovdi aktar opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità u għalhekk l-ekonomija Maltija tibqa’ reżiljenti.
Qal, “Issa ż-żmien li ġej huwa ta’ sfida wkoll, imma deċiżjonijiet importanti rridu nieħdu. Jiġifieri li jkollna l-workforce lesta biex tilqa’ l-kumpaniji l-ġodda illi jersqu lejn Malta, imma wkoll fl-istess ħin illi nieħdu d-deċiżjonijiet anke fejn jidħol per eżempju t-trasport u l-green ecological transition li pajjiżna għaddej minnha bħalissa, allura li nsibu l-bilanċ biex nilħqu l-aspettativi tagħna f’din l-industrija filwaqt li nirrispettaw ukoll it-tibdil fil-klima u dak kollu li jorbot magħha.”