It-talent m’għandux barrieri. Dan ħareġ fid-deher waqt intervista li kellna mal-artista Maria Elich, li għadha kif ippubblikat ktieb li fih numru ta’ xogħlijiet ta’ artisti li għandhom nuqqas ta’ dawl.
Permezz tal-arti tagħhom, l-udjenza tkun tista’ tara l-immaġinazzjoni f’kuluri mżewqa ma’ teknika li tagħti stampa tal-interpretazzjoni tal-artisti.
Maria, li tispiraha ferm in-natura, qalet li minkejja li għandha nuqqas ta’ dawl, hija għandha immaġini ta’ dak li tħoss madwarha.
Spjegat kif l-arti tagħtiha sens ta’ sodisfazzjon u kuntentizza sabiex tpitter dak li tara permezz tal-immaġinazzjoni tagħha.
Qalet, “Li meta dik il-ħmura ta’ filgħaxija, li aħna l-qawl nafuh, “il-ħmura ta’ filgħaxija lesti ż-żwiemel għat-tiġrija”, allura aktar tpenġi aktar bil-qalb u aktar jinżillek balzmu, ħa ngħidu hekk, għax vera sabiħ. Li kieku tarah isbaħ, imma jien xorta nħossni qed narah f’moħħi, għalkemm mhux b’għajnejja, imma xorta nħossni happy.”
Maria, li tagħmel parti mill-visual non-visual network, qalet li kien dan in-netwerk li għenha tiskopri t-talent tal-arti.
Ilha tpitter seba’ snin. Spjegat kif il-kuluri li tagħżel ikunu ġejjin mill-memorja tagħha ta’ meta kienet iżgħar u, fil-fatt, il-kuluri li ssibhom fin-natura huma l-aktar għal qalbha.
Qalet, “Allura jien, b’hekk, inkun qed naħseb għal ħafna kuluri: ix-xemx, pereżempju. Ix-xemx safra, imma x-xemx tant tkun tleqq illi tkun kulur id-deheb, vera tkun sabiħa. Jien niftakarha ftit żgħira, għalkemm xorta nimmaġina aktar, allura aktar jidher sabiħ. Meta inti tpenġi tgħid, “Inħossni veru l-moral tiegħi jkun ’il fuq.”
Maria kienet irregalat pittura lill-Port Ħieles, fejn ilha taħdem għal dawn l-aħħar 29 sena, u li jagħtuha s-sapport tagħhom biex tkompli timraħ fit-talent tal-arti.