Raġel ta’ tmienja u ħamsin sena qed jinżamm arrestat b’rabta ma’ serqa li seħħet ilbieraħ minn ħanut fi Triq San Tumas fil-Furjana.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1.30pm, meta r-raġel daħal fil-ħanut, ħataf xi flus li kien hemm fuq il-bank u ħarab minn fuq il-post b’karozza.
Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet u ġiet identifikata l-vettura u min seta’ kien qed jagħmel użu minnha.
Madwar siegħa u nofs wara, ġie arrestat raġel fi Triq San Ġużepp fil-Belt, li kien liebes ħwejjeġ identiċi għal dawk li deher liebes is-suspettat fil-filmati tas-sigurtà waqt is-serqa.
Ir-raġel qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar investigazzjonijiet u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ nofsinhar
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI