VisitMalta se ssir destinazzjoni uffiċjali tal-EOLO-Kometa Cycling Team.
Dan il-ftehim se jara r-reklamar ta’ VisitMalta preżenti fuq il-kits tat-tiġrijiet u l-vetturi tat-tim waqt wieħed mill-aktar avvenimenti sportivi segwiti fid-dinja taċ-ċikliżmu, il-Giro D’Italia.
Skont studju riċenti li sar minn Road Cycling TV Viewing Report, l-aħħar Giro d’Italia ġġenera udjenza medja ta’ 6,780,150 telespettatur għal kull stadju f’175 pajjiż differenti madwar id-dinja.
Permezz ta’ din l-alleanza, il-gżejjer Maltin se jibbenefikaw minn promozzjoni televiżiva u diġitali li ser issaħħaħ il-pożizzjoni tal-pajjiż bħala destinazzjoni ideali għad-dilettanti taċ-ċikliżmu.
Permezz ta’ dan il-ftehim, EOLO-Kometa Cycling Team matul is-snin li ġejjin se jkunu qed iżuru pajjiżna biex jesperjenzaw personalment il-gżejjer Maltin bħala ċiklisti professjonali kif ukoll viżitaturi. Apparti minn hekk, ser jiġu sfruttati opportunitajiet biex ċiklisti żgħażagħ Maltin u Għawdxin jingħaqdu għal taħriġ mal-EOLO-Kometa Youth Team skont l-età u l-ħila tagħhom.
Dawn id-dettalji ġew spjegati waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim ippresedut mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo flimkien maċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u mal-Maniġer Ġenerali tal-EOLO-Kometa Cycling Team Fran Contador.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li dan it-tragward storiku, li huwa l-ewwel wieħed għal pajjiż Ewropew, se jiġġenera riżultati eċċellenti f’termini ta’ wasliet turistiċi kif ukoll jaċċerta l-istatura ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ għażla naturali.
Ritratti: MFT