Fl-ewwel trimestru ta’ din is-sena, in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku ammontaw għal 3,595, żieda ta’ 731 inċident jew 25.5 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Anke l-inċidenti tat-traffiku fatali żdiedu. Fil-fatt, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena ġew irrapportati b’kollox disat imwiet: tmienja aktar mill-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Milll-istess statistika jirriżulta li l-aktar li saru inċidenti tat-traffiku kien fit-Tramuntana tal-Port, fejn ġew irrapportati 1,271 inċident, jiġifieri 35.4 fil-mija tal-każijiet kollha.
L-aktar li rreġistraw inċidenti tat-traffiku kienu l-lokalitajiet ċentrali ta’ Birkirkara, Ħal Qormi, u l-Mosta.
Kien ir-reġjun tat-Tramuntana li ra l-inqas għadd ta’ inċidenti.
Intant, l-istatistika turi li s-Sibt kien l-aktar jum li fih weġġgħu nies f’inċidenti tat-traffiku. B’kollox, minn 494 inċident, 63 persuna – jew 19.4 fil-mija tat-total – li korrew fil-jum tas-Sibt.
Min-naħa l-oħra il-jum li fih l-aktar li saru inċidenti tat-traffiku fl-ewwel tliet xhur tas-sena kien l-Erbgħa, bi 598 inċident. Madankollu, ir-rata ta’ nies li weġġgħu nhar ta’ Erbgħa kienet fost l-inqas meta mqabbla mal-kumplament tal-ġimgħa.
Bħala ħinijiet, l-aktar li seħħew inċidenti kien bejn nofsinhar u t-3 ta’ waranofsinhar, b’793 każ jew 22.1 fil-mija, filwaqt li l-inqas rata ta’ inċidenti seħħew bejn it-3 u s-6 ta’ filgħodu, b’46 każ.
Mill-istatistika ħareġ ikoll li, bejn Jannar u Marzu li għadda, 71.6 fil-mija ta’ dawk involuti fl-inċidenti kienu rġiel, filwaqt li l-età tal-maġġoranza ta’ dawk involuti tvarja bejn is-26 u d-59 sena.