Prestazzjoni mill-aqwa ghall-weightlifter żagħżugħa Tenishia Thornton waqt il-Kampjonati tad-Dinja tal-Juniors. Thornton fil-kategorija tal-55 kg rebħet Grupp B filwaqt li spiċċat fis-sitt post overall fl-isnatch u fid-disa’ post overall fil-Clean & Jerk. Hija spiċċat fit-tmien post overall tal-kompetizzjoni tagħha.
Thornton kienet f’vena mill-aqwa hekk kif f’kull tentattiv li għamlet waqt il-kompetizzjoni dejjem kisret ir-rekord nazzjonali. Finalment hija rnexxielha tiksru bi 18-il kilogramm.
Apparti dan hija kisret ukoll ir-rekord tal-Commonwealth fil-livell taż-żgħażagħ b’sitt kilogrammi fl-isnatch, u b’ħames kilogrammi fil-Clean & Jerk.
Jakkumpanjaw lil Tenishia Thornton waqt dawn il-kampjonati tad-Dinja kien hemm il-kowċ tagħha u l-President tal-Assoċazzjoni tal-Weightlifting Jesmond Caruana. Din il-parteċipazzjoni kienet possibbli grazzi għal SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.