Johann Sultana, ta’ 40 sena mill-Ħamrun, ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li mexxa massage parlour fil-Fgura għal skop ta’ prostituzzjoni.
Martu, Pawlina Cutajar, li għandha 26 sena, ingħatat sentenza sospiża talli kienet qed tmexxi l-burdell mar-raġel tagħha.
Il-Prosekuzzjoni xehdet li, f’Jannar tal-2019, żewġ kuntistabbli kienu waqqfu lil Johann Sultana waqt li kien qed isuq karozza tal-għamla Mercedes u juża l-mobile.
Fil-karozza nstabu sustanza suspettatali kienet eroina, ingwanti, balaklava, martell, u miżien.
Fi tfittxija fuq il-mobile ta’ Sultana nstabu messaġġi fuq il-media soċjali relatati ma’ sess offrut mill-‘Bliss Massage Parlour’ fil-Fgura.
Il-pulizija segwew mill-qrib dan il-ħanut, u meta tkellmu mal-klijenti dawn spjegaw li, fost is-servizzi li rċevew, kien hemm sess orali, masturbazzjoni, u anke sess, inkluż ma’ mart Johann Sultana.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrimarkat li l-pulizija sabu għadd kbir ta’ messaġġi minn irġiel jistaqsuh għas-sess u fil-profil tal-Facebook sabu reklami li jgħidu ‘a new English girl’ u ‘happy endings’.
Hija żiedet tgħid li l-provi juru li huwa kien qed joffri l-ħanut biex fih isir is-sess u anke offra nisa li jagħmlu dan ix-xogħol, bil-klienti jħallsu madwar ħamsin ewro għal nofs siegħa.