L-Assoċjazzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà Soċjali, ISSA, irrikonoxxiet il-ħidma li saret mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal biex jiġu megħjuna ġenituri u persuni b’diżabilità jew vulnerabbli li ntlaqtu mill-effetti tal-pandemija fl-2020 u l-2021.
Il-ħidma Maltija kisbet rikonoxximent flimkien ma’ dawk ta’ istituzzjonijiet għas-sigurtà soċjali mill-Iżrael, il-Ġermanja u Franza. L-unuri ġew ippreżentati waqt forum Ewropew organizzat mill-ISSA fl-Estonja.
F’isem il-Ministeru, u f’isem id-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, irċevew iċ-ċertifikat ta’ mertu id-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali Grazio Barbara u d-Direttur għar-Relazzjonijiet Internazzjonali Alexia Vella.
Is-Sur Barbara wkoll intalab jagħmel preżentazzjoni dwar il-pakkett ta’ benefiċċji soċjali speċjali li tnedew f’qasir żmien u l-ħidma ta’ simplifikazzjoni ta’ saret biex jiġu megħjuna aktar minn 8,000 persuna li ntlaqtu mill-pandemija u kellhom jieqfu mix-xogħol jew jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb uliedhom meta għalqu l-iskejjel.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon irringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għall-ħidma u l-impenn tagħhom u stqarr li huwa kommess li permezz tal-ħidma li ssir mid-dipartiment ikomplu jkunu megħjuna aktar nies.
Ritratt: MSPC