Riċerka ta’ tliet snin minn grupp ta’ riċerkaturi wasslet għal studju dwar il-fdalijiet tat-tieqa tad-Dwejra, li kkollassat f’Marzu ta’ ħames snin ilu.
L-għan ta’ din ir-riċerka kien li jkun hemm għarfien aħjar tal-waqgħa ta’ din it-tieqa u li jirrekordja l-istat preżenti tas-sit taħt l-ilma. Dan hekk kif il-ġebel taħt l-ilma jaf jinbidel iżjed minħabba l-proċessi naturali.
Biex saret din ir-riċerka, immexxija mill-Professur Joseph Caruana mid-Dipartiment tal-Fiżika u l-Istitut għax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija fl-Università ta’ Malta, ittieħdu eluf ta’ ritratti dettaljati u ttieħed kejl taħt l-ilma. B’hekk, inbena mudell tridimensjonali ta’ qiegħ il-baħar u l-fdalijiet mit-tieqa tad-Dwejra.
Fil-jum meta waqgħet it-tieqa tad-Dwejra kien maltemp qawwi u b’hekk huwa inqas iċ-ċans li jkun hemm xhieda tal-waqgħa tal-arkata naturali.
Il-Professur Joseph Caruana qal li din ir-riċerka tat opportunità lir-riċerkaturi sabiex jistudjaw il-fdalijiet u anki jaraw kif seħħet il-waqgħa. Irrimarka li dan ix-xogħol qed joffri għarfien dwar kif seħħ dan l-avveniment.
Ġie spjegat kif, taħt il-baħar, il-fdalijiet ġew studjati permezz ta’ apparat li nbena apposta għal dan ix-xogħol: kameras u dawl li ġew armati fuq scooter.
F’din ir-riċerka ġie kkonfermat kif il-bażi tat-tieqa ddgħajfet. Kien dan li wassal biex il-pilastru ċeda u nqasam fi tnejn. Il-pont li fuqu kienu jimxu ħafna nies tilef is-sapport tal-pilastru, waqa’, u tfarrak.
Il-mudell tridimensjonali jista’ jservi bħala gwida għall-għaddasa li jżuru s-sit kull sena biex jesploraw il-fdalijiet li baqa’ mit-Tieqa tad-Dwejra. Dawk li ma jinżlux jgħoddsu, issa għandhom ukoll l-opportunità li jaraw x’hemm taħt il-baħar permezz ta’ dan il-mudell li nħoloq.