L-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi rriżenja mill-Partit Nazzjonalista fi sfond ta’ ġlied kbir.
Huwa ħabbar dan permezz ta’ dikjarazzjoni twila madwar 800 kelma fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu Jason Azzopardi allega kif, waqt ikla ma’ numru żgħir ta’ negozjanti, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ittieħed f’ġenb minn żewġ persuni li huma qrib persuna li għaddejja bi proċeduri kriminali b’rabta ma’ assassinju.
Hemmhekk Azzopardi allega li ssemma s-suġġett ta’ proklama għall-akkużat, b’Bernard Grech ta assigurazzjoni li kieku kellu jkun Prim Ministru kien ikun dispost jirrakkomanda l-għoti tal-proklama.
Fl-istess ikla Azzopardi jgħid ukoll li l-Kap tal-PN ngħata donazzjoni ta’ flus għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN li saret ftit jiem biss wara.
Jason Azzopardi qal kif il-preżenza ta’ dawn il-persuni li tkellmu ma’ Grech f’din l-ikla ġiet ikkonfermata mill-Kap Bernard Grech il-Ħadd waranofsinhar waqt laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv, fejn Grech ġie mistoqsi direttament.
Dan l-aħħar żvilupp, li jorbot lil Jason Azzopardi, Bernard Grech, u l-Partit Nazzjonalista, wasal wara ġlied kbir fi ħdan l-istess Partit hekk kif Bernard Grech qed ifittex vot b’saħħtu ta’ konferma bħala Kap tal-Partit.
Proprju ftit tal-jiem ilu Bernard Grech ipprova jikkuntenta liż-żewġ fazzjonijiet fid-Dar Ċentrali biex jikseb vot b’saħħtu biex spiċċa niggeż lil Jason Azzopardi u b’hekk bdiet din il-konfrontazzjoni fl-apert.