Wara sentejn pandemija, il-bandisti tal-Banda tal-Partit Laburista kienu ħerqana biex jirritornaw lura bil-kbir biex joħolqu l-briju permezz tad-daqq tagħhom.
Il-Banda tal-Partit Laburista hi mżewqa b’madwar 200 bandist li, b’mod volontarju, jagħtu spettaklu waqt attivitajiet ta’ ċelebrazzjoni organizzati mill-partit. ONE News tkellem mas-Surmast tal-banda, David Agius, dwar il-ħidma tal-banda.
Qal, “Nieħdu ħsieb ċerti events li jieħu ħsieb il-partit, li jitolbuna biex nagħtu s-sehem tagħna. Hemmhekk, aħna nippreparaw biex ngħaqqdu l-bandisti l-ewwel nies, ovvjament għax għal kull servizz trid tara min hu disponibbli kif ukoll tara skont is-servizz, bħal ngħidu llum, l-ewwel ta’ mejju, jkun hemm il-famuż marċ li jsir il-Belt, li huwa sinonimu mal-banda tal-partit għax hemm ikollna kontribut qawwi mill-mużiċisti.”
Qal li l-banda bħalissa qed tippjana biex f’Novembru torganizza kunċert fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. F’dan il-kunċert se tkun qed tesponi mużika kemm klassika kif ukoll kontemporanja.
Agius, li ilu jmexxi l-Banda tal-Partit Laburista għal dawn l-aħħar tlieta u għoxrin sena, mill-għoxrin ta’ Marzu tal-elf disa’ mija disgħa u disgħin, spjega kif din il-banda ngħata l-bidu tagħha erbgħa u disgħin sena ilu. Tul dawn is-snin kollha rat ħafna wċuħ differenti u talent bil-bosta iżda, aktar minn hekk, rat imħabba u dedikazzjoni bla qies.
Spjega, “Bħalissa l-volontarjat, speċjalment wara l-pandemija, ħa daqqa ta’ ħarta, iżda bis-sehem tagħna u bil-persistenza nkomplu nsaħħu dan il-volontarjat biex l-għaqda tibqa’ hemmhekk u l-kumitat jibqa’ hemmekk bħala wieħed ħaj u jibqa’ għaddej tul dawn is-snin li ġejjin ukoll. ”