David Casa tenna l-appoġġ tiegħu lil Bernard Grech qabel jitpoġġa għall-vot tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.
F’post fuq Facebook l-Ewroparlamentari Nazzjonalista stqarr li Bernard Grech għandu jkun l-għażla naturali tal-kunsilliera. Dan għalkemm Bernard Grech mexxa lill-Partit Nazzjonalista lejn l-ikbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalulna li David Casa intefa’ wara Bernard Grech f’tentattiv li jitħabbeb mat-tmexxija attwali biex jingħata prominenza fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew sentejn oħra.
David Casa kien indirizza rally tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq qabel Bernard Grech. Grech innifsu ripetutament wera li huwa jappoġġja bis-sħiħ il-politika ta’ David Casa.
Fid-diskors fir-Rally iż-Żurrieq f’kampanja elettorali, Casa kien tenna li Malta hija marida.
Casa kien qal, “Marda li għandu pajjiżna mhux ser tkun faċli ħbieb tiegħi illi noħorġu minnha din il-marda jekk jibqa’ l-Gvern tal-Partit Laburista fil-Gvern.”
F’post fuq facebook David Casa stqarr li ħassu fi dmir li jerġa’ itenni l-appoġġ tiegħu lil Bernard Grech. Stqarr li ser ikun qed joffri l-għanjuna tiegħu lil kap Bernard Grech sabiex skontu jieħu d-deċiżjonijiet għal ġid tal-Partit.
Bernard Grech diġa ta’ x’jifhem li fost dawn id-deċiżjonijiet potenzjalment hemm il-bejgħ ta’ każini, il-bejgħ tad-Dar Ċentrali u l-għeluq tal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Grech qal, “Ebda kap ma jrid jew ma jixtieq li jbieħ każin, l-ebda kap ma jixtieq li joħroġ mid-dar ċentrali, l-ebda kap ma jrid iċedi l-midja tagħna.”