Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Universita ta’ Malta sabiex intraprendituri u riċerkaturi jkunu jistgħu jiżviluppaw l-ideat innovattivi tagħhom permezz ta’ fond li għalih hemm allokati mitt elf ewro.
Dan il-fond huwa magħruf bħala TAKEOFF Seed Fund u jgħin biex idea ma tibqax fuq il-karta iżda ssir realtà.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, ġie spjegat kif l-applikanti ta’ din is-sena bejniethom se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ħamest elef ewro sa ħamsa u għoxrin elf ewro.
Il-Professur Simon Fabri, Prorettur fl-Universita ta’ Malta, tkellem dwar l-importanza ta’ dawn il-fondi li permezz tagħhom se tikkontribwixxi s-soċjetà Maltija.
Qal, “Huwa importanti ħafna li jkun hawn skemi ta’ dan it-tip u s-sostenn tal-Gvern biex l-ideat ta’ riċerka u riżultati ta’ riċerka li joħorġu mill-Università ma jibqgħux biss magħluqin fil-Kampus jew inkella f’publikazzjonijiet ta’ riċerka jew fil-laboratorji imma joħorġu hemm barra u jibbenefikaw minnhom is-soċjeta billi jevolvu fi strutturi ekonomiċi li jistgħu jikkompetu anke fis-swieq u jikontribwixxu għall-ġid tal-ekonomija u t-tkattir tal-ġid tal-pajjiż.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri innota li din hija d-disa’ darba li ġie mniedi dan il-fond, li permezz tiegħu s’issa ġew investiti tmien mitt elf ewro f’sebgħa u ħamsin negozju.
Spjega kif is-sena l-oħra ġew magħżula sitt proġetti partikolari li ħadmu fuq setturi varji, fosthom is-saħħa, l-ambjent, il-manifattura, l-enerġija, u l-informatika.
Il-Ministru Schembri qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet sabiex il-Gvern ikompli jgħin lin-negozji.
Qal, “Irridu nkomplu ngħinu lin-negozji tagħna biex ikomplu jiffjorixxu, speċjalment fejn tidħol il-burokrazija. Għaddejja ħidma anke mal-Malta Business Registry sabiex naraw li fl-ipproċessar u l-manteniment tal-kumpaniji ma’ dan ir-reġistru kemm jista’ jkun tonqos il-burokrazija.”