Għaddejja ħidma biex, sal-elfejn u ħamsa u għoxrin, Malta jkollha sistema ġdida tat-tassassjoni korporattiva minflok is-sistema eżistenti, ġiet introdotta aktar minn għoxrin sena ilu.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, f’diskors li għamel waqt attività organizzata minn waħda mill-akbar kumpaniji f’pajjiżna fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, Calamatta Cushieri. Qal li diġà saret ħidma dwar dan mill-professjonijisti nfushom u li l-Gvern qed jiffaċilita l-proċess.
Il-Ministru Caruana qal li wasal iż-żmien li pajjiżna jġedded l-industrija tas-servizzi finanzjarji u b’hekk idaħħal fis-seħħ sistema ġdida dwar it-tassassjoni korporattiva.
F’kummenti li ta lill-midja, il-Ministru qal li, sabiex iseħħ dan, l-ewwel mistenni jiskatta proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar is-sistema ġdida tat-tassassjoni, li jrid ikollha l-barka tal-Kummissjoni Ewropea.
Clyde Caruana qal ukoll kif il-kumpaniji u rappreżentanti ewlenin fil-qasam tas-servizz finanzjarju Malti lkoll qablu li wasal iż-żmien sabiex din il-bidla sseħħ.