It-Taqsima li tirregola l-għasafar selvaġġi (WBRU) ċaħdet allegazzjonijiet li l-istaġun tal-kaċċa preżenti mhux jiġi sorveljat skont l-obbligi tad-Direttiva tal-Għasafar.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex, ġie spjegat li t-Taqsima mhux biss tissorvelja kemm ikunu ġew ikkaċċjati għasafar kuljum permezz tas-sistema apposta tar-reġistru, iżda għandha wkoll tim ta’ uffiċjali li jissorveljaw b’mod regolari l-istaġun bi żjarat fuq il-post flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija.
L-istqarrija saħqet li l-informazzjoni li nġabret sa issa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rapporti, infurzar, u migrazzjoni tal-għasafar, turi realtà differenti minn dik li qed tipprova titpinġa fi stqarrijiet pubbliċi.
It-Taqsima ċċarat dan wara stqarrija li ħarġet il-Birdlife Malta aktar kmieni dalgħodu.
Wara li lbieraħ qalet li nqabżet il-kwota tal-gamiem waqt dan l-istaġun tal-kaċċa, dalgħodu l-Birdlife allegat li t-Taqsima li tirregola l-għasafar selvaġġi m’għandha l-ebda kontroll fuq id-deroga u m’għandhiex idea kemm ġew ikkaċċjati għasafar f’dan l-istaġun.