Permezz tat-tkomplija ta’ tliet skemi l-Gvern se jindirizza l-inġustizzji tal-passat ta’ madwar ħamest elef persuna, li b’kollox bejniethom se jieħdu bejniethom mal-għaxar miljun ewro.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta l-aħħar dettalji dwar is-sitt snin ta’ għotjiet minn Gvern Laburista għal anomaliji tal-passat.
Illum ġiet imnedija s-sitt sejħa għall-applikazzjonijiet mingħand eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku, u għall-eks ħaddiema tax-xatt.
Ma’ dawn ġiet varata għal darb’oħra skema oħra, li bdiet fl-2019, għal dawk li kienu fil-korpi u wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku, kif ukoll għall-eks mpjegati tal-Gas Board u grupp żgħir ta’ eks apprentisti tal-Malta Electricity Board li ġew trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta.
L-iskemi ma japplikawx għal persuni li kienu f’wieħed mill-korpi mwaqqfa wara l-1979, u għal persuni li qed jircievu, jew għandhom id-dritt li jirċievu, pensjoni tas-servizz.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar kif, b’dan kollu, il-Gvern Laburista qed ikompli jwettaq dak li jwiegħed u fl-istess ħin jibqa’ jkun ta’ sostenn għal eluf ta’ nies.
Qal, “B’kollox, meta nersqu biex nagħlqu dawn l-iskemi, qed nitkellmu dwar nefqa globali s’issa ta’ 66 miljun ewro, imma ovvjament għad fadal xi pagamenti xi jsiru u se nkunu tajna solljev lil 11-il elf persuna jew familja. Dak li wegħdna nwettquh dejjem.”
Is-Segretarju Permanenti, Mark Musù, tana dettalji oħra dwar dawn l-iskemi.
Spjega, “L-iskemi se jkunu ppubblikati fil-gazzetta tal-Gvern illum. Min hu obbligat li japplika, l-applikazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ Lulju. Però, tajjeb li nippreċiża li kull min huwa diġà applikant u qed jirċievi pagament m’għandux għalfejn jerġa’ japplika, kemm-il darba ma nbidlulux iċ-ċirkostanzi tiegħu. Kemm-il darba jkun hemm persuna eliġibbli li mietet inkella l-eredi awtorizzati jirċievi l-pagamenti, miet, tkun trid issir applikazzjoni ġdida.”
L-applikanti jridu jimlew formola tal-applikazzjoni u jibagħtuha bil-posta, flimkien mad-dokumenti meħtiega, lid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali jew bil-posta elettronika fuq social.security@gov.mt.