Tony Zammit, ta’ 43 sena minn Ħal Qormi baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament seraq ġiżirana ta’ mara ta’ 82 sena.
Huwa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli l-Ħamis filgħodu, akkużat b’serq aggravat.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia, spjegat li l-imputat seraq lill-mara nhar it-Tnejn għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar. Is-serqa allegatament seħħet fi Triq Cordina Perez, fil-Ħamrun.
Zammit ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħatawlu f’żewġ istanzi differenti u li kien riċediv.
Huwa wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh u talab għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu, il-Qorti ċaħdet din it-talba.