Ritmu, il-Malta Arts Festival, il-Malta Jazz Festival, u Dance Festival Malta huma l-erba’ festivals li se jsiru bejn l-għaxra ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Lulju minn Festivals Malta.
L-ewwel li se jiġi organizzat huwa Ritmu, li qabel kien magħruf bħala l-GħanaFest. Permezz ta’ dan il-festival il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità li jgawdi elementi ta’ mużika folkloristika ta’ pajjiżi Ewropej ġirien tagħna.
Isegwih se jkun hemm il-Malta International Arts Festivals, li għal din is-sena se jkun imżewwaq b’żewġ valuri: l-innovazzjoni u l-aċċessibbiltà. Apparti li se jsir fil-Belt, dan il-festival se jimrah ukoll fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala u Bormla.
Xi ħaġa ġdida f’dan il-festival hija l-kollaborazzjoni mal-Heritage Malta. F’dan il-kuntest, se ssir instalazzjoni artistika f’Bieb il-Belt bħala wirja ta’ artisti Maltin fosthom Antonio Sciortino, Vincent Apap, Emvin Cremona, u artisti kontemporanji oħra.
It-tielet festival huwa dak tal-mużika Jazz. Din is-sena dan se jsir b’tifkira ta’ Charles City Gatt, li kien il-fundatur tal-Jazz Festival f’Malta, u li miet fi Frar li għadda.
Fl-aħħarnett, hemm id-Dance Festival, li se jipparteċipaw fih żeffiena lokali u anke barranin. Se ssir ukoll wirja minn persuni li għandhom abbiltajiet differenti, u b’hekk dan il-festival, li se jsir l-ewwel darba f’pajjiżna, se jipromwovi wkoll l-inklużività.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, li kien preżenti għat-tnedija ta’ dawn il-festivals, tkellem dwar kif il-pandemija fakkritna fl-importanza tal-kultura f’pajjiżna.
Qal, “Dan kollu qed juri li aħna rridu li n-nies jieħdu pjaċir fis-sajf li ġej, jattendu dawn l-attivitajiet u nerġgħu nkomplu nimmarkaw it-talent kbir li għandna f’pajjiżna u nkomplu nsaħħu l-ekonomija kreattiva li tant tagħmel ġid mhux biss għall-udjenza imma anke għall-artisti nfushom.”
Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li hemm stennija kbira għal dawn l-avvenimenti.
Qalet, “Waħda mill-akbar sodisfazzjon li għandna hu illi qegħdin nagħtu opportunitajiet lill-artisti/ Dak huwa l-għan tagħna prinċipali, illi dawn il-festivals, apparti li se jagħtu festa kulturali lill-udjenzi tagħna, qed jagħtu opportunità kbira lill-artisti li dawn l-aħħar sentejn, minħabba l-pandemija, ma setgħux juru l-kreattività tagħhom.”