Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura showroom ġdida tal-istabbiliment DARI fiż-żona industrijali tal-Ħandaq f’Ħal Qormi. Din ix-showroom tal-ogħla livell, li saret b’investiment ta’ miljun u nofs ewro, tesibixxi varjetà ta’ kċejjen u kmamar tas-sodda, fost oħrajn.
Il-Prim Ministru nnota l-bżulija tal-imprenditur Malti u l-kapaċità tat-talent lokali, li kapaċi jimmanifattura prodott ta’ livell għoli mill-bidu sal-aħħar.
DARI tifforma parti minn SAW Limited, li għandha esperjenza ta’ iżjed minn tletin sena fil-manifattura industrijali u li toffri għażla wiesgħa ta’ għamara manifatturata kompletament fuq il-bażi tal-ideat u l-kreattività ta’ mħuħ Maltin.
F’din iż-żjara, Dr Abela saħaq fuq kif kumpaniji lokali bħal dawn ħaqqhom kull tifħir għax, anki waqt mumenti ta’ sfidi internazzjonali li affaċċjat id-dinja kawża tal-pandemija, it-tmexxija tal-grupp baqgħet reżiljenti u innovattiva.
Bħalissa l-kumpanija tħaddem sebgħin persuna u qed tippjana li tkabbar it-tim tagħha bil-għan li tkompli taqdi lill-konsumatur Malti b’iżjed effiċjenza u f’qasir żmien.
Id-Direttur u Kap Maniġerjali tal-kumpanija DARI, Stephen Azzopardi, qal li wara tletin sena ta’ esperjenza l-kumpanija ħasset il-ħtieġa li fis-suq lokali jimbarkaw fuq proġett li joffri għażla ta’ għamara domestika ta’ kwalità għolja li ssir lokalment.
Il-Maniġer ta’ din il-kumpanija, Mark Cassar, spjega li l-isem DARI jirrifletti dak kollu li huwa Malti, u li l-kumpanija riedet tagħti importanza lil prodott li huwa addattat għad-djar Maltin u li jolqot il-gosti tal-konsumatur Malti.
Cassar spjega kif din il-kumpanija trid tkun ta’ eżempju billi dak li tipproduċi jkun sostenibbli. Il-proċess tal-manifattura jsir kollu f’pajjiżna u b’hekk qed iħalli inqas impatt fuq l-ambjent. Huwa qal ukoll li l-fabbrika taħdem b’effiċjenza qawwija permezz tal-aħħar teknoloġija fil-makkinarju li nxtara.
Intqal kif din il-fabbrika tagħmel użu minn dawl naturali filwaqt li tiġġenera persentaġġ sostanzjali tal-elettriku li tikkonsma permezz tal-pannelli fotovoltajċi. Il-proċess fil-fabbrika ma jiġġenerax skart addizzjonali minħabba li l-materjal żejjed jerġa’ jiġi użat jew riċiklat.