Aktar minn tliet mitt atleta u kowċ internazzjonali minn sbatax-il pajjiż Ewropew se jkunu f’Malta f’Ġunju biex jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, magħrufin bħala s-CSSE.
Il-logħob, li se jsir nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa, se jservi biex jgħolli l-profil tal-atletika u tal-isport f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Isport, Clifton Grima, ħabbar kif is-CSSE f’Malta, apparti r-riklam għall-gżejjer Maltin, se jfissru 300 atleta barrani u uffiċjali jiġġeneraw f’pajjiżna ’l fuq minn disa’ mitt sodda b’effett dirett ta’ mija u sebgħin elf ewro fis-settur tal-ospitalità.
Il-Ministru spejga kif bħalissa għaddejja ħidma infrastrutturali kbira biex l-istadium tal-atletika tal-Marsa jsir wieħed ta’ standard tal-aqwa kwalità u ta’ livell internazzjonali, u għalhekk se jkun jista’ jilqa’ dan il-kampjonat u wkoll avvenimenti oħra li se jsiru f’pajjiżna fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.
Qal, “Dan kollu ma kienx ikun possibli mingħajr il-ħidma konġunta bejn diversi Ministeri u entitajiet u ma kienx ikun ukoll possibli kieku ma kellekx investiment f’dik li hija infrastruttura sportiva li permezz tagħha għollejlna l-livell sportiv ġewwa pajjiżna u allura kapaċi nattiraw dejjem aktar avvenimenti internazzjonali u turiżmu sportiv lejn pajjiżna.”
Il-President ta’ Athletics Malta, Andy Grech, żvela li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex jinħoloq kampjonat tas-CSSE għar-road racing, li eventwalment jista’ jsir f’Malta wkoll.
Spjega wkoll li ġie allokat baġit bla preċedent biex l-atleti elite jieħdu sehem fi struttura ta’ taħriġ ta’ livell għoli li tinkludi kampijiet ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet barra mill-pajjiż, bl-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u ta’ Sport Malta.
Qal, “Mhux talli se nippremjaw l-atleti tagħna tal-ħidma tagħhom matul is-sena imma se niftħu uffiċjalment l-event tal-pajjiżi żgħar fl-atletika , fejn se nospitaw xejn anqas minn 350 atleta.”