Pensjonant mir-Rabat ma nstabx ħati li ffastidja sesswalment turista spanjola f’Malta.
Dan wara li, fi stabbiliment f’Ottubru li għadda, huwa pprova jbusilha Jdejha.
Wara li rat il-filmati tas-sigurtà, il-Qorti nnutat kif dan kien każ iżolat filwaqt li rreferiet għall-kondotta nadifa tal-imputat. Hawn intqal li f’każijiet ta’ fastidju sesswali jrid ikun ippruvat li jkun hemm istanza ta’ aktar minn darba ta’ fastidju sabiex jiġi ppruvat dan ir-reat.
Madankollu l-Maġistrat Elaine Mercieca nnutat kif it-testimonjanza tal-vittma kienet veritiera hekk kif din ġiet ikkonfermata mill-filmati tas-sigurtà u qalet li dawn ħallew effett fuq il-vittma li kienet fi btala f’pajjiżna.
Il-Maġistrat ikkonkludiet li din l-imġiba mill-akkużat hija punibbli taħt artiklu ieħor tal-kodiċi kriminali. Madankollu, ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-akkuża li tressqet mill-prosekuzzjoni.