Bernard Grech reġa tefa’ t-tort fuq kulħadd barra fuqu nnifsu.
Waqt intervista fuq il-programm XTRA, fuq l-istazzjon nazzjonali, Bernard Grech stqarr li huma n-Nazzjonalisti li jridu jerfgħu r-responsabbilità tas-sitwazzjoni mwiegħra fil-Partit Nazzjonalista, jinsab mifni bi problemi interni u finanzjarji.
Qal, “Imma n-Nazzjonalisti, l-attivisti, il-membri tal-kumitati dawk illi rriżenjaw u marru indipendenti, dawk li jiddeċiedu illi, għax ma jiġux eletti, jattakkaw lil Partit, kulħadd għandu r-responsabbiltà, li xi darba kienu parti mill-istruttura tal-Partit u llum qegħdin barra jitfgħu l-ġebel.”
Fl-istess intervista kompla fejn ħalla l-Ħadd li għadda u stqarr li kulħadd se jkollu jbati għall-ġid tal-Partit.
F’diskors li għamel waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd li għadda, huwa ta’ x’jifhem li mhux jeskludi li jagħlaq l-istazzjonijiet tal-midja tal-Partit.
Sorsi fl-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista qalulna kif bħalissa l-ħaddiema jinsabu demoralizzati wara li Bernard Grech tefa’ dubji serji dwar l-futur u s-sigurtà tal-impjieg tagħhom.
Iżda għal Bernard Grech din hija biss “barxa” li l-ħaddiema tiegħu se jkollhom isofru għall-ġid tal-Partit.
Qal, “Kulħadd però irid jifhem li jekk ser ikollu barxa irrid jgħid li jien din il-barxa irrid nieħodha għall-ġid tal-Partit biex jien nimxi ‘l quddiem.”
Min-naħa l-oħra, Bernard Grech fl-ebda mument għadu ma semma li se jkun qed isofri xi tip ta’ “barxa” fil-paga li jieħu.
Dan bl-istess mod li ma sofrewx brix l-eks strateġista tiegħu Christian Peregin u l-id il-leminija tiegħu Ray Bezzina.
Fost l-oħrajn ġie rrappurtat kif, fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien diġà qed isofri minn problemi finanzjarji kbar ,l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Christian Peregin kien qed jaqla’ paga ta’ iżjed minn €60,000.
Iżda għal dawn l-iżbalji li komplew iżidu l-piż fuq il-qagħda finanzjarja tal-Partit, Bernard Grech issa se jkun qed ibigħ dak li ħadmu għalih b’tant dedikazzjoni u sagrifiċċju l-partitarji Nazzjonalisti fil-passat.
Qal, “Ma nistgħux nibqgħu b’dejn daqshekk kbir fl-istess waqt noqgħodu ngħidu għax b’nostalġija, għaliex aħna għandna l-każini, għax aħna għandna hekk,” fejn kompla billi sostna “U indikajt, iva, ħadd ma jixtieq, l-ebda Kap ma jixtieq illi joħroġ mid-Dar Ċentrali. L-ebda Kap ma jixtieq li jbigħu il-każini jew ħa nibqgħu b’din in-nostalġija filwaqt li l-Partit jibqa’ jmut u jmut, imut.”