B’investiment ta’ miljun ewro, il-Malta Public Transport żiedet mal-flotta tagħha żewġ karozzi tal-linja ġodda elettriċi li jaħdmu bla ebda emissjonijiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Venda tal-linja fil-Belt Valletta, il-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia, tkellem dwar kif, sa mill-bidu tal-operat tagħha fl-elfejn u ħmistax, il-Malta Public Transport bidlet il-flotta eżistenti tagħha b’aktar minn tliet mitt vettura ġdida mgħammra bl-aħħar magni Euro 6 u favur l-ambjent.
B’hekk, il-flotta Maltija hija fost l-aktar flotot ta’ trasport pubbliku ġodda u li l-inqas li jniġġsu fl-Ewropa.
F’kumment lil One News, il-Ministru għat-Trasport irrimarka li dan l-investiment għadu biss il-bidu.
Qal, “Dan huwa biss il-bidu. Nafu li l-Gvern se jinvesti erbgħin miljun ewro fiż-żmien li ġej permezz ta’ Fondi Ewropej illi permezz tiegħu se jkollna iżjed karozzi tal-linja li huma fully electric, sabiex jgħinuna naslu għat-tragwardi li l-pajjiż għandu għall-2030, l-2040, u l-2050. Allura l-futur huwa ċar: se jkollna green public transport għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll kif il-flotta attwali hija magħmula minn vetturi li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent, iżda issa wasal iż-żmien li gradwalment naqilbu għal karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Malta Public Transport, Felipe Cosmen, qal li t-trasport pubbliku huwa kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u saħaq li bħala kumpanija huma impenjati li jaħdmu favur l-ambjent u s-sostenibbilità.
Spjega li l-investiment li tħabbar huwa biss il-bidu tal-pjan ta’ dekarbonizzazzjoni, u se jkompli jiġi kkumplimentat mill-iskema tat-trasport pubbliku b’xejn li se tiddaħħal fl-ewwel ta’ Ottubru ta’ din is-sena.