Il-kumpanija ewlenija tal-enerġija Russa, Gazprom, se tieqaf tissupplixxi l-gass lill-Polonja u lill-Bulgarija, wara li diġà kienet ħarġet twissija dwar dan fl-aħħar ġranet.
Ir-Russja kienet qalet li se tieqaf tissupplixxi l-gass lill-Polonja u l-Bulgarija, sakemm ma jibdewx iħallsu bil-munita Russa, ir-rublu, ħaġa li ż-żewġ pajjiżi rrifjutaw li jagħmlu.
Il-Polonja qalet li se tkampa mingħajr il-gass mir-Russja għaliex tista’ taċċessah minn sorsi oħra.
L-Ukrajna ddeskriviet din l-azzjoni mir-Russja bħala l-bidu ta’ rikatt dwar il-gass immirat lejn l-alleati tal-Ukrajna.
L-Unjoni Ewropea akkużat lir-Russja li qed tuża l-enerġija biex tirrikitta numru ta’ pajjiżi li qed jappoġġjaw lill-Ukrajna.
Sadanittant, il-Ġermanja awtorizzat il-provvista ta’ madwar ħamsin tank tal-gwerra lejn l-Ukrajna, wara li l-Istati Uniti u alleati tagħhom iltaqgħu fil-Ġermanja u wegħdu aktar armi għall-Ukrajna.
Aktar tard illum, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Punent mistennija jħabbru aktar għajnuna militari għall-Ukrajna. Intant, qed ikun irrappurtat li fl-aħħar sigħat nstemgħu diversi splużjonijiet fil-belt Russa ta’ Belgorod, madwar erbgħin kilometru bogħod mill-fruntiera Ukrena.