Għat-tieni sena se terġa’ ssir il-konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon” bil-ħsieb li titfa’ dawl fuq kif in-Nazzjon Malti qed jinbidel maż-żmien filwaqt li tinħoloq diskussjoni dwar temi differenti u dwar opinjonijiet differenti tal-Maltin.
Din il-konferenza, organizzata mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, se ssir nhar il-Ħamis 9 ta’ Ġunju u se toffri stampa ċara dwar il-fehmiet tal-Maltin u l-Għawdxin dwar temi ewlenin. Dan se jsir permezz ta’ stħarriġ mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà. Huwa spjega kif din is-sena l-mistoqsijiet se jkunu bħal dawk tas-sena l-oħra sabiex b’hekk wieħed ikun jista’ jara kif żviluppaw dawn il-fehmiet tul perjodu ta’ sena.
Dwar dan il-President ta’ Malta, George Vella, qal li din il-Konferenza se toffri l-opportunità li wieħed jingħaqad u jiddibatti dwar il-fehmiet differenti li għandhom il-Maltin. Spjega kif dawk li se jkunu mistiedna fuq il-panels se jiddiskutu bl-iżjed mod liberu iżda matur.
Vella qal, “Issa se ssir iżjed interessanti għaliex mhux għandna l-ewwel bulk ta’ informazzjoni, ħa jkollna bulk ieħor ta’ informazzjoni u nistgħu nqabblu jekk f’ċerti setturi bqajniex l-istess, imxejniex ’il quddiem jew morniex lura. U huwa importanti ħafna għaliex iktar ma tkun taf is-soċjetà tiegħek, iktar ma tkun taf l-issues li qegħdin jinteressaw lill-poplu – mhux bil-fors jifirdu, jinteressaw lill-poplu – iktar wieħed ikun jista’ jifhem il-mentalità u l-ħsieb wara ċerti deċiżjonijiet jew inkella movimenti li jiftaċċaw f’soċjetà ċivilizzata u demokratika.”
Il-Konsulent tal-Komunikazzjoni Strateġika, Lou Bondì, spjega kif f’din il-Konferenza se jkun hemm ħames panels ta’ diskussjoni. Fost l-oħrajn se jiġu diskussi temi bħall-ambjent, is-saltna tad-Dritt, u l-fiżjonomija tal-Istat.