Fil-ġranet li ġejjin mistenni li jibda xogħol fuq is-saqaf u t-twieqi tal-workshop prinċipali tad-Direttorat tal-Manifattura u s-Servizzi fil-qasam industrijali ta’ Kordin.
Dan tħabbar mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, li qal li x-xogħol se jsir b’investiment ta’ madwar €800,000 u mistenni jieħu madwar erba’ xhur biex jitlesta.
Permezz ta’ dan il-proġett il-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment se jkollhom post tax-xogħol aktar sigur.
Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza ta’ xogħlijiet bħal dawn, li jiżguraw li ma jintilfux s-snajjet u l-ħiliet ta’ dawn il-ħaddiema.
Id-Direttur tal-Manifattura u s-Servizzi, Raymond Caruana, spjega kif dan il-proġett se jinkludi xogħol biex jinbidel is-saqaf tal-ħadid u jsir wieħed b’insulated sandwich panels, li se kun maħdum biex fuqu jitwaħħlu panelli fotovoltajċi. Barra minn hekk, se jinbidlu t-twieqi ma’ oħrajn ġodda li jinfetħu b’mod awtomatiku.
Waqt żjara fil-post, il-Ministru Zrinzo Azzopardi ltaqa’ ma’ wħud mill-ħaddiema ta’ dan id-Dipartiment.