ONE Productions Ltd tħabbar il-ħatra tas-Sur Sandro Mangion bħala Kap tat-taqsima tal-aħbarijiet tal-istazzjonijiet ONE mil-lum it-Tnejn 25 t’April 2022. Is-Sur Mangion għandu 49 sena. Huwa ggradwat BA (Hons) fl-Istudji tal-Komunikazzjoni mill-Università ta’ Malta u b’Master fil-Liġi tal-Unjoni Ewropea mill-Université Nancy 2, Franza.
Huwa se jidħol f’din il-kariga b’esperjenza ta’ aktar minn 15-il sena fil-ġurnaliżmu u fix-xandir, fosthom bħala Kap Editorjali tal-Union Print, pubblikaturi tal-ġurnali L-Orizzont u It-Torċa. Bejn l-2005 u l-2013 ħadem fil-qasam tal-amministrazzjoni lingwistika mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni Ewropea fil-Lussemburgu u fi Brussell. Meta rritorna Malta serva fis-segretarjati privati ta’ għadd ta’ Ministri tal-Gvern. Kien ukoll l-uffiċjal responsabbli mir-relazzjonijiet Pubbliċi tal-President ta’ Malta.
Għal bosta snin is-Sur Mangion kien attiv fil-qasam tal-lobbying għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom bħala Chairperson tal-Malta Gay Rights Movement.
ONE Productions Ltd tirringrazzja lis-Sur Edward Montebello li qed itemm il-ħidma tiegħu bħala Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjonijiet ONE u tawguralu l-isbaħ affarijiet fil-ħidma l-ġdida tiegħu.