Illum Franza qed tivvota għal President li se jkun qed imexxi lill-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin.
Id-deċiżjoni tal-Franċiżi hija bejn jekk jerġgħux jagħtu mandat lill-President attwali, li jħaddan politika ċentrali, Emmanuel Macron jew lill-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen.
Skont l-opinjoni pubblika, Macron huwa l-favorit fost il-votanti, minkejja li ġie deskritt li huwa l-President tas-sinjuri.
Ħames snin ilu Macron tela’ bl-għajta tal-bidla, madanakollu, bosta saħqu li din il-bidla għadha mhux qed tinħass.
Il-pandemija tal-COVID-19 fl-aħħar sentejn u issa ż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed jagħmluha aktar diffiċli biex jikseb suċċess fit-tmexxija tiegħu.
Min-naħa l-oħra Le Pen ġiet akkużata li għandha rabtiet qrib il-President tar-Russja Vladimir Putin.
Din hija t-tielet darba tagħha li qed tikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Franza.
L-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat mistennija joħorġu għall-ħabta tat-tmienja tal-lejla.