Il-Kap Eżekuttiv tal-Hospice Malta, Is-Sur Kenneth Delia, qal li l-Konferenza Bijennali ta’ din l-organizzazzjoni volontarja kienet opportunità għad-diskussjoni u qsim ta’ tagħrif dwar l-aħħar avvanzi fir-riċerka u t-tekniki moderni fil-kura paljattiva, li tingħata lil nies b’mard terminali u lil qrabathom.
Qal, “Din il-Konferenza ssir kull sentejn; norganizzawha l-Hospice kull sentejn. Hija konferenza ta’ importanza nazzjonali għax fiha naqsmu t-tagħrif il-ġdid biex dejjem nimxu, aħna, fuq cutting edge knowledge and research illi jgħaqqad ukoll lill-professjonisti kollha flimkien. Din tiġi wkoll fi żmien kritiku fejn il-Hospice miexi lejn il-proġett aħħari tiegħu, St Michael Hospice, fejn minn hemmhekk se nkomplu nkabbru s-servizzi tagħna u allura naqdu aktar pazjenti bl-għajnuna ta’ profesjonisti oħrajn minn Malta kollha, bażikament.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Edukazzjoni fil-Hospice Malta, Dr Stefan Laspina, spjega li l-objettiv tal-organizzazzjoni huwa li, l-ewwel nett, tassigura li l-pazjenti jkunu komdi, u li tipprovdi kura ħolistika minn tim iddedikat. Fl-istess waqt, il-Hospice temmen fl-importanza tal-edukazzjoni u tal-iskambjar tal-aħjar prattiki, kif fl-aħħar mill-aħħar sar permezz ta’ din il-konferenza bijennali.
Spjega, “Qed nieħu gost li erġajna rnexxielna ntellgħu din il-konferenza, li issa ilha nieqsa għal erba’ snin. Il-Hospice għandu għal qalbu ħafna l-edukazzjoni u t-training tan-nies kollha li jaħdmu fil-qasam tal-kura paljattiva. Fil-fatt hemm kumitat, fi ħdan il-Hiospice, li huwa inkarigat mill-education, u l-idea tal-Konferenza hija li nqarrbu lin-nies li jaħdmu fil-kura paljattiva u li naqsmu dak li tgħallimna, dak li nafu, biex dejjem intejbu s-servizz li nagħtu u nippruvaw nilħqu miri ta’ eċċellenza fis-servizz tal-kura paljattiva.”
Id-diskussjoni mill-kelliema waqt il-konferenza ffukat fuq aspetti differenti tal-kura tal-pazjenti. Kien hemm interventi minn professjonisti distinti mill-qasam tal-kura medika, kif ukoll parteċipazzjoni minn dawk preżenti permezz ta’ sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.
Fost il-mistednin distinti li attendew kien hemm mart il-President ta’ Malta, is-Sinjura Miriam Vella, li hija wkoll il-patruna tal-Hospice Malta.