Hekk kif il-Festi tal-Għid għaddew u l-vaganzi waslu fi tmiemhom, mhux ftit huma dawk li forsi kielu xi ftit żejjed matul dan il-perjodu magħruf għall-ħelu tradizzjonali. Bis-sajf wara l-bieb huma bosta dawk li jkunu ħerqanin biex iħejju għall-ġranet tas-sajf, meta wieħed ikun irid jidher aktar pulit fil-bajjiet.
ONE News tkellem ma’ Leanne Bartolo, kowċ u nutrizzjonista professjonali, dwar kif wieħed jista’ jtejjeb il-figura tiegħu f’dawn il-ftit ġimgħat li ġejjin, qabel ma l-bajjiet jerġgħu jimtlew bin-nies jixxemxu u jgħumu.
Qalet, “Hemm ħafna li wieħed jista’ jagħmel. Hemm l-option li wieħed jingħaqad fi studio jew komunità tal-fitness u jibda jagħmel xi eżerċizzju. Jekk il-finanzi huma daqsxejn issikkati, hemm dejjem l-option li wieħed imur igawdi mixja fin-natura. It-temp qed jisbieħ u l-ġurnata itwal, hemm iżjed it-tentazzjoni li tgħid ‘wara x-xogħol tlaqna mixja’.”
Bħala professjonista, Leanne Bartolo temmen ħafna l-mixi għax huwa wieħed mill-iżjed eżerċizzji sempliċi u li kulħadd jista’ jagħmel waħdu bla periklu li jweġġa’.
Qalet, “Jgħinek b’mod li tirrilassa kemm b’mod psikoloġiku kif ukoll fiżikament. Tarmi l-istress tiegħek tal-ġurnata u tħossok persuna ġdida. Jiġifieri l-mixi hu wieħed mill-aktar attvitajiet fiżiċi li huma bażiċi b’xejn u flessibbli, jiġifieri anke min għandu t-tfal jista’ jagħmilha.”
Apparti l-eżerċizzju wieħed irid ukoll joqgħod attent għall-ikel li jiekol. Dan minħabba li l-ikel huwa wieħed mill-ingredjenti ewlenin biex wieħed iħossu u jidher aħjar, kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Qalet, “Jiġifieri tajjeb li nittrenjaw imma, biex wieħed jara daqsxejn riżultat, irid ukoll jiekol b’mod strutturat u bażiku. Wieħed għandu jixrob bejn żewġ u tliet litri kuljum, tittrenja jew ma tittrenjax. Aktar ma tittrenja aktar trid tixrob ilma. L-ilma jaffettwa l-mod u l-enerġija tagħna, anke jekk naħsbu li hu sempliċiment ilma.”
Spjegat x’ikel wieħed irid jevita sabiex jibqa’ san u jara riżultati aħjar.
Spjegat kif, “Naqtgħu ċerti fats żejda, ċertu zokkor u ikel li jkun proċessat. Jiġifieri ħa tieklu frott frisk, tippruvaw tibbażaw id-dieta tagħkom fuq ikel mill-anqas proċessat possibbli. Meta tgħaqqdu training strutturat ma’ ikel strutturat se taraw riżultati viżibbli.”
Leanne Bartolo qalet li, idealment, wieħed għandu jagħmel eżerċizzju sa mill-anqas tliet darbiet fil-ġimgħa.
Qalet, “Għal darbtejn ikollok maintenance, jiġifieri żżomm healthy imma mhux neċessarjament tara daqshekk differenza. Iktar ma żżid, ovvjament, importanti li ma naqgħux fit-trap li nesaġeraw, għax eseġarazzjoni kemm fid-dieta kif ukoll fit-training ma jwasslux għal affarijiet tajbin. Jiġifieri tispiċċa bl-injuries, jekk dieta tispiċċa mbagħad naqgħu f’ċerti toroq li ma nixtiqux u ma ninkoraġġixxu ’l ħadd li jaqa’. Il-fissazzjoni mhi tajba għal ħadd u f’xejn f’dak kollu li nagħmlu.”
Madankollu, mhux kulħadd hu l-istess u allura jista’ jagħti l-każ li persuna tagħmel l-istess dieta u l-istess ammont ta’ eżerċizzju fiżiku imma r-riżultati aħħarin ma jkunux l-istess għal kulħadd. Wieħed jista’ jieħu iżjed żmien minn ħaddieħor biex jara r-riżultati mixtieqa. Allura, saħqet Leanne Bartolo, wieħed m’għandu jaqta’ qalbu qatt.