Bernard Grech kompla jiġi miċħud mill-kunsilliera tal-Partit li jmexxi hu stess.
Din id-darba kien imiss kunsillier Nazzjonalista taż-Żebbuġ li ċaħdu pubblikament fuq Facebook u qal li ma fadallux fiduċja fih.
Il-kunsillier Daniel Cordina, li huwa wkoll kanvasser ta’ Chris Said, saħansitra stqarr li kemm idum Bernard Grech fit-tmexxija jiddispjaċih biss għall-arma tal-Partit Nazzjonalista u allura għall-Partit innifsu.
Din id-dikjarazzjoni waslet wara l-għażla li għamel Bernard Grech li jħalli barra lid-deputat Għawdxi Chris Said mix-Shadow Cabinett tiegħu.
Konferma oħra li l-għażla ta’ Bernard Grech biex jaħtar it-tim tiegħu ġabet iżjed mewġ milli serenità fil-partit.
Id-Deputat Nazzjonalista u eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said deher evidentament dispjaċut li tħalla barra mix-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech.
Għażla li rapporti li baqgħu mhux miċħuda qalu li Ray Bezzina, l-eks Chief of Staff ta’ George Pullicino, kien involut fiha.
Dan anki jekk fil-jum tal-miġja tal-Papa ħarġet l-aħbar li Bezzina rriżenja mill-Kap tal-uffiċċju ta’ Bernard Grech.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facbeook Chris Said kien kiteb dwar id-deċiżjoni tal-Kap u benġielha li jifhem id-deċiżjoni li ħa Bernard Grech u l-istess sentiment qalu mal-gazzetta The Malta Independent.
Il-gazzetta Independent staqsietu jekk hux kuntent li ma ngħatax portafoll, b’Said jikkonferma li hu ried jieħu inkarigu biex ikun kelliem ta’ settur iżda Bernard Grech ħallieh barra.
Mistoqsi b’mod ċar hux kuntent bid-deċiżjoni ta’ Bernard Grech, li Said ħadem għalih fil-kampanja biex tqaċċat Adrian Delia mit-tmexxija, Said qal li mhiex kwistjoni jekk hux kuntent jew le.
Id-dwejjaq fil-partit ta’ Bernard Grech deher ċar anki fost partitarji Nazzjonalisti li intervjenew fi programmi fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista u wrew l-għadab tagħhom għall-fatt li tliet Deputati ma ngħataw l-ebda portafoll.
“Jien minn Għawdex, min-Nadur u vera ddispjaċuta ħafna għax il-Chris ma għamlu xejn u anki lil Mario De Marco u Carm Mifsud Bonnici. Iva dawk it-tlieta ma sabilhomx xi ħaġa? Vera ddispjaċuta ħafna, ħafna, u għidulu lil Bernard li l-Għawdxin huma ddispjaċuti ħafna għal Chris u l-oħrajn ukoll.”