Fi tmiem din il-ġimgħa l-bajja ta’ San Pawl il-Baħar qed tinbidel f’korsa tat-tlielaq tal-powerboats f’edizzjoni oħra ta’ VOOMQUEST, li hu l-kampjonat dinji tad-dgħajjes ta’ veloċità għolja. L-edizzjoni ta’ din is-sena qed tiġi organizzata wara nuqqas ta’ sentejn. Il-Fundatur ta’ VOOMQUEST, Aaron Ciantar, spjega li l-edizzjoni verżjoni tnejn bdiet il-Ġimgħa waranofsinhar u se tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħadd.
“Dan il-weekend, illum il-Ġimgħa, għada s-Sibt u l-Ħadd, għandna tliet tiġrijiet biex jingħaddu l-punti u l-Ħadd jingħaddu l-punti tal-weekend kollha u jkompli l-kampjonat. Din hi l-ewwel tappa tal-kampjonat.”
Sitt timijiet se jkunu qed jieħdu sehem fil-Klassi V2: El Diablo, Cutting Edge, Freccia Blu, Interceptor Remax, Team Marine Diffusion, Team MIPSS. It-timijiet se jkunu qed jirrappreżentaw tliet nazzjonijiet – Malta, l-Ingilterra, u Franza.
“Il-Kampjonat jismu V2 World Power Boat Championship. Din hija one design class, il-klassi hija V2. Jiġifieri d-dgħajjes huma kollha l-istess, kollha Chaudron SE 27 u bil magni Mercury kollha 300, just il-kapaċità tad-driver u l-propeller li hemm differenza.”
ONE News tkellem mal-Pilota Stephen Bezzina u mal-Ko-pilota Michael Abela, ftit qabel ma telqu.
“Id-driver ikun qed isuq dejjem u l-co-driver ikun qed jidderiġini bħala bagi u jara l-baħar li jkun hemm bżonn.”
“L-average speed hu ta’ 80 miles per hour, imbagħad jiddependi kif ikun il-baħar u jiddependi u lill-propeller li tista’ tuża għal dak il-baħar. Bħal lum in-naħa ta’ barra hu mqalleb – ma tistax tuża top speed screw.”
Il-Kampjonat Dinji Voomquest Enemed qed isir taħt l-awspiċi tal-Union Internationale Motonautique (UIM), li hi l-għaqda dinjija tat-tlielaq tal-powerboats. Jean Marie Van Lancker, Viċi President ta’ din l-Unjoni internazzjonali, faħħar lil pajjiżna f’dan l-isports.
“UIM is a world governing body like all other federations we go all over motorboats world championships and we follow up what we can do to make it good for the drivers. The point is that I came here in Malta for more than 20 years. When we organise something in Malta it is always positive, because the spirit of the Maltese people is incredible.”
L-edizzjoni ta’ din is-sena qed tiġi appoġġjata mill-Enemed, Yachting Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta, u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.