Il-gwerra fl-Ukrajna qed iġġib tbatija u mrar għal miljuni ta’ nies li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u jsibu refuġju f’postijiet oħra minħabba li d-djar tagħhom qegħdin jinqerdu.
Fil-kuntest tal-impatti kbar fuq dawn in-nies, nhar is-Sibt li ġej l-Arċidjoċesi ta’ Malta, permezz tal-Koperattiva LOOP, qed titlob l-għajnuna tal-poplu Malti hekk kif għadd ta’ parroċċi f’Malta se jiġbru affarijiet bażiċi u essenzjali li għandu bżonn bħalissa l-poplu Ukren.
“Dawn huma nies li telqu minn post ta’ gwerra u qegħdin jivvjaġġaw lejn postijiet oħrajn. Jiġifieri dak li ħa ntuhom huwa xi ħaġa in between biex ikunu jistgħu jgħixu naqra ħajja aħjar. Qed inħarsu lejn ikel tat-trabi, qed inħarsu lejn ikel, frott u ħaxix fil-bottijiet, jiġifieri kollox preserved biex jista’ jasal. Qed inħarsu lejn rechargable batteries, qed inħarsu lejn … il-mobiles u affarijiet hekk. Qed inħarsu lejn thermal blankets, thermoses kbar, affarijiet ta’ iġjene tan-nisa u tal-irġiel, toothpaste, mouthwashes. Dawn huma l-affarijiet li qed jitolbuna speċifikament, huma l-affarijiet li nixtiequ nibgħatulhom.”
Sina Bugeja kompliet tgħid li l-affarijiet jistgħu jitħallew f’diversi knejjes parrokkjali bejn is-1 ta’ waranofsinhar u s-7 ta’ filgħaxija. Il-prodotti kollha li jinġabru se jintbagħtu l-Ukrajna f’kontejner u jitqassmu minn Caritas Ukraine li, fis-sitwazzjoni mwiergħa ta’ bħalissa qed tgħin tfal, nisa u anzjani li qed jaħarbu mill-gwerra.
“Il-ġbir se jsir għada s-Sibt bejn is-siegħa u s-sebgħa. U ħa ssir f’ħames parroċċi. Il-ħames parroċċi huma Marsaskala, in-Naxxar, Pembroke, il-Qawra u l-Imqabba. Issa l-parroċċi l-oħrajn tal-madwar se jieħdu hemmhekk għax dawn qishom depot fejn niġbru l-affarijiet. Kull min jixtieq jagħti dawn l-affarijiet – però ħa nagħmel enfasi illi affarijiet oħra mhux se jkunu aċċettati għaliex dawn eżattament il-bżonnijiet tagħhom. Se jinġabru hemmhekk, ħa nkunu qegħdin niġbru mill-paroċċi u neħduhom lejn l-Università biex sa tard filgħaxija nkunu ġbarna kollox u nistgħu nagħlqu l-container u jkun jista’ jitlaq.”