Id-Dinja se tiffaċċja katastrofi umana minn kriżi tal-ikel, kawża tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Wissa dwar dan il-President tal-Bank Dinji David Malpass.
F’intervista mal-BBC, huwa tenna li ż-żidiet rekord fil-prezzijiet tal-ikel li qed tesperjenza d-dinja se tpoġġi miljuni ta’ persuni fil-faqar, u anke tfisser nutrizzjoni aktar baxxa. Is-sitwazzjoni tiggrava jekk il-kriżi tkompli.
Fil-fatt, il-Bank Dinji qed jikkalkula li jista’ jkun hemm qabża ta’ 37% fil-prezzijiet tal-ikel.
Malpass qal li ż-żieda fil-prezzijiet qed taffettwa kull tip ta’ ikel, li bħal katina, prodott jaffettwa lil ieħor.
Intant, il-President tal-Bank Dinji enfasizza li l-gverijiet għandhom jiffokaw ħidmiethom sabiex tiżdied il-provvista tal-ikel u l-fertilizzanti flimkien ma’ assistenza mmirata lejn nies li huma f’riskju ta’ faqar.