Manwel Dimech, deskritt bħala soċjalist, patrijott u personaġġ rivoluzzjonarju li għadu influwenti fil-ħajja ta’ kuljum mija u sena wara mewtu.
Dimech ħadem qatigħ għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku tal-Maltin fi żmien meta pajjiżna kien taħt il-barrani.
Tul il-ħajja tiegħu huwa kien filosfu, ġurnalist u awtur ta’ bosta kotba immirati għall-emanċipazzjoni tal-Maltin.
Madanakollu, huwa ġibed l-attenzjoni tal-Ingliżi għar-raġunijiet il-ħżiena tant li arrestawh wara li akkużawh b’tixwix kontrihom.
Konsegwentement, ġie eżiljat lejn Lixandra fl-Eġittu fejn miet nhar is-17 ta’ April 1921 f’kamp ta’ konċentrament Tork.
F’tislima li ngħatatlu f’għeluq il-mija u sena minn mewtu, dan l-istazzjon tkellem mal-Professur Raymond Mangion, li nnota kif Dimech tkellem favur id-drittijiet tan-nisa permezz tal-ġurnal “Il-Bandiera tal-Maltin” fi żmien fejn tali ħsibijiet ftit li xejn kienu jissemmew fil-pubbliku.
Mangion tkellem ukoll dwar kif Dimech kien katalista li żera’ l-ħsibijiet tiegħu fil-Partit Riformista meta dan kien immexxi minn Sigismondo Savona.
Dawn il-ħsibijiet komplew jiġu żviluppati fil-Partit Laburista, li twaqqaf fl-istess sena li fiha miet Dimech.
Qal, “Manwel Dimech kien il-persuna li ta l-fehma, l-ispirazzjoni, biex il-Partit Laburista fuq kulħadd jagħmel l-emendi l-kbar u jkun tal-ewwel f’ħafna riformi u l-pajjiż jimxi ’l quddiem u jsir demokratiku kif nafuh illum.”
Preżenti għall-istess tislima kien hemm proneputija ta’ Manwel Dimech, li stqarret magħna li għaliha jfisser ħafna li tiġi minn personaġġ daqstant importanti għal pajjiżna bħal Dimech.
Qalet, “Iz-ziju Manwel jiġi ħu n-nannu tiegħi, għex miegħu, bata miegħu n-nannu, il-jiem li kien il-ħabs. Kienu familja fqira, ifisser għalija ħafna bħala familjari.”