It-tennista numru 1 tad-dinja, is-serb Novak Djokovic, ikkritika d-deċizjoni meħuda mill-organizzaturi ta’ Wimbledon il-bieraħ u li permezz tagħha it-tennisti russi u mill-Belarus mhux se jitħallew jikkompetu minħabba s-sehem ta’ pajjiżhom fl-invażjoni tal-Ukrajna.
Djokovic qal li hu dejjem kien u jibqa’ kontra l-gwerra, anke minħabba l-fatt li kiber f’nofs il-gwerra tal-Balkani. Iżda jħoss ukoll li l-politika ma għandha qatt titħallat mal-isport u li l-atleti ma għandhomx jaħtu għal deċiżjonijiet li jieħdu l-politiċi.
Huwa sejjaħ din is-sospensjoni bala ġennata.
Bid-deċizjoni meħuda l-bieraħ uhud fost l-aqwa tennisti mhux se jkunu jistgħu jikkompetu f’Wimbledon, fosthom is-seed numru 2 Daniil Medvedev u s-seed numru 4 tan-nisa Aryna Sabalenka.
Id-deċiżjoni ġiet ikkritikata ukoll mill-ATP minħabba li dan qed jikser il-ftehim li għandhom ma’ Wimbledon.
It-turnament ta’ Wimbledon se jsir bejn is-27 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Lulju.