L-Avukat George Hyzler ġie approvat mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Budget fil-Parlament Eropew, biex ikun membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
B’ħamsa u għoxrin vot favur, tnejn kontra u astensjoni waħda, l-Avukat Hyzler għadda mill-ewwel stadju ta’ proċess, li se jkun qiegħed jirrikjedi li jiġi approvat mill-plenarja tal-Parlament Ewropew.
Fid-diskors introduttorju tiegħu, Hyzler spjega li bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri se jaġixxi b’mod professjonali, b’indipendenza u b’integrità.
Hyzler mistenni jieħu post Leo Brincat hekk kif il-mandat ta’ dan tal-aħħar ta’ ħames snin se jkun qiegħed jintemm f’Settembru li ġej.
Hyzler ġie nominat mill-Gvern Malti aktar kmieni din is-sena.
Intant fi stqarrija l-Gvern Malti feraħ lil Dr George Hyzler tar-riżultat miksub fis-smigħ.