Ir-riħ qawwi li ħakem lil pajjiżna fl-aħħar jiem, li f’xi mumenti laħaq il-forza tmienja u li mistenni jkompli fil-jiem li ġejjin, għamel ħsara enormi għall-uċuħ tar-raba’, b’mod partikolari għall-frott tas-sajf. F’għalqa miżrugħa dulliegħ, iltqajna ma’ Clyde Camilleri, bidwi mill-Manikata u membru fl-Għaqda Bdiewa Attivi, li kellimna dwar it-tħassib tiegħu dwar ir-riħ li qed jagħmel.
Clyde Camilleri saħaq, “Ifhem, kif qed naraw, pereżempju fid-dulliegħ meta jagħmel id-dakra, ngħidulu dan, jaf jagħmel naqra ħsara lid-dulliegħa meta tkun għadha żgħira u vulnerabbli – dan jista’ jikkawża li ma żżommx id-dakra.”
Ir-riħ iwassal ukoll biex il-wiċċ, b’mod partikolari l-frott, ikun irid jissaqqa iżjed minħabba li x-xita fl-aħħar xhur kienet skarsa, anke jekk il-bidu tax-xitwa kien iktar imxarrab.
Huwa stqarr, “Eżatt, meta l-pjanta ħa toqgħod tiċċaqlaq ħa jkollha bżonn iżjed ilma għax tinxef iżjed. Allura trid tgħinha iżjed bl-ilma u tkun iżjed suġġetta għal mard u insetti.”
Huwa qal kif is-sajf din is-sena mistenni jibda kmieni minħabba l-fatt li ilha ma tagħmel ix-xita.
Camilleri tenna, “Għal bidu konna kuntenti ħafna bix-xita, anke jekk naqra wisq, imma aħjar tagħmel milli ma tagħmilix. Li ġara li qabdet u qatgħet sikkina. Ma baqax issir xita u l-art nixfet u bażikament qisna s-sajf.”
Ir-riħ li għamel u li hu previst jagħmel ħsara lis-siġar, anke liż-żebbuġ, li bħalissa jkun miżgħud frott żgħir li mbagħad jikber f’żebbuġa. Iżda l-akbar impatti jkunu fuq il-frott tas-sajf bħall-ħawħ u oħrajn.
Huwa saħaq, “Dawk l-iżjed affarijiet kif jiġri l-ħxejjex sa jiġri lis-siġar tal-frott u allura ħa jkidd il-fjuri u d-dakra ma żżommx, iżda l-ilma mhux daqshekk problema għax l-għeruq jinżlu fil-fond.”
Caruana qal ukoll li din mhux l-unika sfida li qed jaffaċċjaw il-bdiewa. Anki l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja qed tħalli l-effetti tagħha. Fil-fatt, is-sanzjonijiet fuq ir-Russja affettwaw l-importazzjoni tal-fertilizzant u ta’ affarijiet oħra li jintużaw fl-agrikultura.
Stqarr, “L-ikbar impatt tal-bdiewa bħalissa hu l-prezzijiet tal-ispejjeż, speċjalment il-fertilizzant, li għola b’mija u fil-mija, u l-plastik li nużaw, li għola b’erba’ mija fil-mija.”
Huwa qal li l-għajnuna li l-poplu Malti jista’ jagħti f’dawn iċ-ċirkustanzi hi li jixtri l-prodott lokali: prodott li hu wieħed frisk mingħajr preservattivi u li jinqata’ fi żmienu u mhux qabel.
Qal, “L-ewwel nett, għandek il-freskezza u l-ġenwinità tiegħu. Dan il-prodott m’għandux miles fuqu u ma jridx jiġri min-naħa l-oħra tad-dinja, u allura qed nibżgħu għad-dinja. Bħalma għidna, prodott frisk u ġenwin.”