Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius tefa’ l-ħtija li l-Partit Nazzjonalista qata’ lura fuq in-nies li ma jagħmlux like fuq facebook tal-Kap jew tiegħu stess.
David Agius kien qed jgħid dan waqt programm fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista mal-eks Kandidat Nazzjonalista Dione Borg.
Agius qal, “Jiena rrid ukoll li meta l-Partit Nazzjonalista jsejjaħ u meta l-Partit Nazzjonalista jew il-Kap tiegħu jitkellem, ma niddejqux nagħmlu like lill-Kap tal-partit ta.”
Fi programm ta’ siegħa, il-Viċi Kap li sa issa ma qalx jekk hux se jirriżenja jew jerġax jikkontesta l-kariga numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista, kompla jilmenta fuq il-likes fuq facebook u saħaq li jixtieq jagħmel analiżi kemm hemm Nazzjonalisti anki li jsegwu r-radju tal-partit u jagħmlu likes fuq dak li jippubblika l-Kap fost oħrajn, fuq il-midja soċjali.
Huwa saħaq, “Għax jiena nixtieq nagħmel naqra analiżi ta’ kull min iċempel f’dawn it-tip ta’ programmi tiegħek, Dione, jew min jgħid li hu Nazzjonalist iktar mill-Kap u l-Kap jitkellem jew David Agius jitkellem bħala Viċi Kap jew nagħmlu post u lanqas kapaċi jew lanqas għandna l-fibra u s-saħħa li nagħmlu like, like ta. Fuq il-page tal-Kap jew ta’ Adrian Delia jew ta’ David Agius jew ta’ hu min hu l-persuna. Irridu naraw lil ħaddieħor jagħmel il-like imma aħna qed nagħmluha?”
Fl-istess programm, David Agius saħaq li l-Partit Nazzjonalista, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ppropona bit-terms and conditions, kellu verżjonijiet differenti tal-programm elettorali u ħareġ bi pjanijiet differenti fuq it-trackless tram, ma jirbaħlu ħadd fuq l-ideat.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal, “Imma aħna partit li marru jivvutawlna 125,000 ruħ u allura eħe dan huwa partit kbir, dik ma jirbħilna ħadd aħna, lanqas il-Labour ma jirbħilna, bl-ideat, il-ħsibijiet, il-kunċetti.”