L-akkużi fil-konfront ta’ Ryan Bonnici relatati ma’ kaċċa illegali waqgħu hekk kif il-Prosekuzzjoni rtirat sitt akkużi minn disgħa u ma preżentatx il-liċenzja tal-armi tan-nar tal-akkużat.
Bonnici kien arrestat f’April tal-2020 wara li ġew irrappurtati ħsejjes ta’ sparar fiż-żona taż-Żebbiegħ fejn kien hemm ċikonja sewda, li hija speċi protetta.
Huwa ġie mixli b’kaċċa waqt li l-istaġun kien magħluq u li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar u munizzjon fil-kampanja fl-istess żmien.
Barra minn hekk, kien mixli ukoll li ma kellux liċenzja tal-armi tan-nar, kellu fil-pussess tiegħu ammont ta’ ċomb aktar minn kemm hu stipulat bil-liġi u li mmodifika l-arma tat-tip Beretta.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistat Elaine Mercieca, li ħadet il-każ f’Lulju tal-2021, ġie nnotat kif il-Prosekuzzjoni waqqgħet l-akkużi marbuta mal-kaċċa u l-akkuża dwar l-immodifikar tal-arma.
Kien innotat ukoll kif is-serial number tal-arma kien mibdul iżda l-Maġistrat qalet kif l-evidenza primarja kellha tkun dik dwar il-liċenzja tal-akkużat, li l-Prosekuzzjoni falliet milli tippreżenta.
Fid-dawl ta’ dan il-Qorti ddeċidiet li l-akkużi li għad fadal u ma kinux provati u b’hekk iddikjarat lil Bonnici innoċenti.
Hu mifhum li l-Prosekuzzjoni, li kienet immexxija mill-Ispettur Elliot Magro, qed tikkunsidra tappella mid-deċiżjoni.
L-Avukati Ishmael Psaila u Edward Gatt assistew lill-akkużat.