Il-Pulizija Maltija kienet tikkunsidra lil raġel Eġizzjan bħala l-moħħ wara pjan biex tiddaħħal mitt kilogramma raża tal-kannabis f’Malta.
Qal dan l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma hekk kif matul il-jum tat-Tlieta beda għaddej il-ġuri ta’ Ahmed El Fadali Enan, Eġizzjan li qed jiġi mixli b’kompliċità fit-tentatattiv ta’ importazzjoni tad-droga mit-Tuneżija lejn Malta.
L-Eġizzjan ta’ tnejn u ħamsin sena jinsab mixli b’assoċjazzjoni biex tiġi impurtata d-droga, f’każ li jmur lura għall-elfejn u għaxra.
Dwar dan il-każ kien għadda proċeduri fil-Qorti Tuneżina, Tano Farrugia, eks plejer tal-futbol, li kien weħel għoxrin sena ħabs iżda nħeles tliet snin wara minħabba amnestija mill-Gvern temporanju Tuneżin hekk kif kien tela’ President interim.
Fix-xhieda tiegħu, l-Assistent Kummissarju ddeskriva lill-akkużat bħala fil-quċċata tal-piramida tal-pjan li fih kellha tiddaħħal Malta mal-mitt kilo ta’ droga kannabis, imma sfaxxa wara li l-Pulizija Tuneżina arrestat Malti li nstab fil-pussess tal-ħamsin kilo raża tal-kannabis.
Xehdu ukoll l-Ispettur Saviour Baldacchino u s-Surġent Geraldine Buttigieg li flimkien ma’ pulizija oħra arrestaw lill-akkużat u għamlu tftittxija f’daru.
Huma xehdu li waqt ir-rejd fid-dar tiegħu nstabu rċevuti ta’ trasferimenti ta’ flus barra minn Malta permezz tal-Western Union.
Il-Prosekuzzjoni xehdet ukoll li l-Pulizija Tuneżina sabet irċevuti li juru kif il-persuna li għaddiet id-droga lil Tano Farrugia tħallset mingħand l-akkużat permezz ta’ trasferiment ta’ flus.
Skont il-Prosekuzzjoni għas-sehem tiegħu fil-pjan, Tano Farrugia kellu jitħallas ħmistax-il elf ewro.
Il-Pulizija spjegat li Tano Farrugia kien ċempel lil ħuh u qallu li l-Pulizija Tuneżina riedet li hu jagħmel kuntatt mal-persuna li bagħtitu t-Tuneżija.
Tano Farrugia talab lil ħuh biex imur fi klabb tal-boċċi biex jiltaqa’ ma ċertu Ahmed.
Tano Farrugia għamel hekk, imma meta mar ikellem lil Ahmed, li ġie ddentifikat bħala l-akkużat, ma riedx ikellmu u xħin issuspetta li xi ħaġa marret ħażin sabbat il-mobile mal-art.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li wara li ġie identifikat l-akkużat, il-Pulizija Maltija arrestat lill-Eġizzjan.