F’kumment li tella’ fuq il-paġna tiegħu fuq il-Facebook wara li postu bħala l-Kelliem dwar Għawdex ngħata lid-Deputat Alex Borg, magħruf li hu qrib ħafna tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono, Chris Said tefa’ botta sarkastika lil Bernard Grech.
Chris Said, li huwa magħruf li ħadha bi kbira li ma żammx il-kariga li kellu, kiteb li jifhem id-deċiżjoni ta’ Bernard Grech li lilu u l-kollegi Carm Mifsud Bonnici u Mario de Marco ma jassenjalhomx qasam biex jagħmlu shadow tiegħu peress li huma l-uniċi tliett persuni li servew fl-aħħar Kabinett tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u li baqgħu jiġu eletti minn dakinhar sal-lum.
Kienu bosta dawk li rreaġixxew għall-messaġġ ta’ Chris Said. Diversi esprimew in-nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni ta’ Bernard Grech, filwaqt li kellhom kliem ta’ tifħir għal Chris Said. Kien hemm min idddeskrivih bħala raġel ta’ prinċipju u saħansitra bħala suldat tal-azzar.
Oħrajn irrimarkaw li bil-mod kif fassal ix-shadow cabinet Bernard Grech, huwa l-Partit Nazzjonalista li se jitlef u ħadd aktar.
Ħaddieħor kiteb li la Chris Said baqa’ barra wara li tant ħadem għall-partit, mhux se jerġa’ jivvota lill-Partit Nazzjonalista.
Kumment ieħor ta’ appoġġ għal Said kien jgħid: “Il-Kap warrbek, mela jien vot ta’ sfiduċja f’Bernard Grech”.
Kien hemm min kiteb li l-lealtà llum m’għadhiex moda u li Bernard Grech ippremja t-tradiment.
Ħaddieħor staqsa kif jistgħu ma jitilqux aktar nies mill-Partit Nazzjonalista la baqa’ hemm Karol Aquilina, li wara li fl-elezzjoni baqa’ l-art Jason Azzopardi issa huwa l-kavallier tal-Blue Heroes fix-shadow cabinet ta’ Bernard Grech.
Din il-ġimgħa, fil-fatt, komplew ir-riżenji mill-Partit Nazzjonalista, din id-darba bit-tluq tal-eks Direttur Informazzjoni u kandidat għall-Parlament Ewropew, Frank Psaila, u tal-kandidata għall-elezzjoni ġenerali u kunsilliera lokali fis-Siġġiewi, Alessia Psaila-Zammit. Huma kienu magħrufin li kienu qrib l-eks Kap Adrian Delia.
Il-borma f’Tal-Pietà kompliet titħawwad iktar wara li oħt Daphne Caruana Galizia, Mandy Mallia, esprimiet pubblikament fuq il-Facebook ir-rabja tagħha għal Bernard Grech wara li dan inkluda lil Adrian Delia fix-shadow cabinet tiegħu.