Il-kampjonati tad-dinja Voomquest Enemed UIM V2 se jerġgħu lura fl-ibħra Maltin wara waqfa ta’ sentejn wara l-kanċellazzjoni tal-avvenimenti minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Il-Kampjonati se jsiru bejn it-22 u l-24 ta’ April f’San Pawl il-Baħar.
L-iskeda tal-avvenimenti se tibda bil-parata tal-powerboats li se titlaq mill-Marsa nhar il-Ħamis fis-2pm. Id-dgħajjes se jgħaddu minn Tas-Sliema, Baħar iċ-Cagħaq u Burmarrad qabel ma jagħmlu triqithom lejn il-pit ġewwa San Pawl il-Baħar. It-tlielaq jibdew il-Ġimgħa filgħodu, meta se jsir l-ittestjar. It-tlielaq jibdew wara nofsinhar.
Sitt timijiet se jkunu qed jieħdu sehem fil-Klassi V2 – El Diablo, Cutting Edge, Freccia Blu, Interceptor Remax, Team Marine Diffusion, Team MIPSS. It-timijiet se jkunu qed jirrappreżentaw tliet nazzjonijiet – Malta, L-Ingilterra u Franza.
“Hemm ħafna stennija, mhux biss mis-sewwieqa iżda wkoll mid-dilettanti li ilhom jistennew sentejn biex igawdu l-azzjoni lli toffri l-Voomquest” spjega Aaron Ciantar, il-fundatur tal- Voomquest. “Li ma jkollokx kompetizzjonijiet għal sentejn ma kienx faċli speċjalment għat-timijiet iżda huma kollha ħerqana biex jerġa jingħata bidu, għalhekk ninsabu fiċ-ċert li fi tmiem il-ġimgħa ser jkollna spettaklu mill-aqwa“
Minbarra dgħajjes tal-Klassi V2, se jsiru sensiela ta’ tiġrijiet tal-Klassi Cyber. Is-Cybers, kif inhuma mgħarufa, hija klassi iżgħar iżda madankollu s-sewwieqa jeħtieġu ħiliet biex jgħatu wirja eċċitanti filwaqt li jżommu l-kontroll tad-dgħajsa b’veloċità għolja. Ħames timijiet Maltin huma skedati li jieħdu sehem f’din il-Klassi.
Il-Kampjonat Dinji Voomquest Enemed UIM V2 isir taħt l-awspiċi tal-korp governattiv
Union Internationale Motonautique (UIM) u huwa appoġġjat mill-Enemed, Yachting Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Seaview Hotel, Chaudron Powerboats, Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.